Lokali

Ġranet fis-sħana u ljieli bla rqad minħabba l-qtugħ fl-elettriku

Is-sħana insopportabbli tas-sajf Malti tinsab magħna, u tista’ tgħid ħadd ma jissaporti ġewwa mingħajr l-air conditioner jew tal-anqas fann mixgħul.

Iżda persuni minn diversi lokalitajiet, l-aktar minn nofsinhar ta’ Malta, qed ikollhom jissaportu sigħat ta’ sħana hekk kif il-provvista tal-elettriku qed taqta’ tista’ tgħid ta’ kuljum.

Persuni minn naħat ta’ Ħal Għaxaq u l-Gudja qalulna li fl-aħħar ftit jiem, id-dawl inqatgħalhom madwar disa’ darbiet. Xi ħaġa li naturalment qed tagħmel ukoll ħsara lill-appliances tad-dar.

Hu diffiċli li wieħed jifhem kif pajjiżna li għandu elettriku ġġenerat mill-interconnector, mill-powerstation tal-BWSC u minn dik tal-Electrogras mhux qed ilaħħaq mal-konsum tad-dawl, aktar u’aktar meta din is-sena m’għandniex it-turisti li jkollna s-soltu f’dawn iż-żminijiet.

Li hu żgur hu li ħafna qed iqattgħu ġranet fis-sħana, grazzi għal dan il-qtugħ fl-elettriku.