Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Kamra tal-Ispiżjara ixxukkjata bl-aġir irresponsabbli ta’ Robert Abela

Tappella lill-Prim Ministru jagħti widen lill-karba tal-poplu Malti kollu nkella s-sagrifiċċji li għamel se jiswew suf

Il-Kamra tal-Ispiżjara kkundannat bil-qawwa kollha l-mod kif il-Prim Ministru, Robert Abela, prova jumilja lill-Assoċjazzjoni Medika Maltija, li tirrappreżenta lill-esperti mediċi kollha, meta f’kummenti ma’ NET News, Abela qal li l-MAM hija sempliċiment union u li ma tirrappreżentax lit-tobba kollha.

Il-Kamra hija xxukkjata b’din il-pożizzjoni tal-Prim Ministru u tal-Ministru tat-Turiżmu, Julia Farrugia filwaqt li uriet id-diżapprovazzjoni tagħha għal dawk assoċjati mal-Ministru Farrugia fl-industrija tat-turiżmu u d-divertiment fuq id-dikjarazzjoni pwerili li “meta wieħed iħares lura, naħseb għaġġilna ħafna illi ftaħna għall-attivitajiet tal-massa”.

Dan fl-istess waqt li bl-aġir irresponsabbli tagħhom qegħdin jilagħbu bil-ħajja tal-poplu Malti, l-aktar dawk vulnerabbli u l-frontliners fost l-oħrajn.

Fi stqarrija maħruġa t-Tlieta mill-Kunsill Eżekuttiv tal-istess Kamra, huma appellaw lil dawk kollha konċernati sabiex is-saħħa tal-poplu tingħata prijorità billi l-Gvern, permezz tal-Ministeru tas-Saħħa u s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, jilħaq ftehim kredibbli mal-MAM.

Bħala nazzjon, il-Kamra appellat għall-ħtieġa biex niġbdu ħabel wieħed sabiex nirriturnaw lura għall-qagħda konsistenti sa 3 ġimgħat ilu ta’ żero każi kuljum.

“Jekk il-Gvern ma jagħtix widen, is-sagrifiċċji u d-dixxiplina murija … Il-poplu Malti jixraqlu ferm aħjar!” – temmet tgħid l-istqarrija tal-Kamra tal-Ispiżjara.