Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil fl-Imqabba tibda l-Ħamis quddiem il-Maġistrat Lia

Il-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Saviour Gaffarena, li seħħ nhar l-Erbgħa li għaddew se tibda nhar il-Ħamis li ġej u ġiet assenjata lill-Maġistrat Nadine Lia. Bħal ma jsir f’kull kumpilazzjoni kienet il-polza li tellgħet lill-Maġistrat Lia biex quddiemha jibdew jinstemgħu l-provi.

Leon Debono u Owen Schembri, t-tnejn ta’ 18-il sena residenti Ħal-Kirkop tressqu l-Qorti nhar il-Ġimgħa filgħaxija quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia fejn ġew mixlija bil-qtil ta’ Saviour Gaffarena ta’ 27 sena u l-attentat ta’ qtil ta’ kuġinuh Vince Gaffarena ta’ 17-il sena. Huma wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-Pulizija kkonfermat li kien għall-ħabta tal-11:15p.m li daħlilha rapport li kien hemm xi persuni feruti fil-bypass tal-Imqabba. Xi uffiċjali kienu fil-post peress li dak il-ħin kien hemm wirja piroteknika.

Din kienet għaddejja ftit tal-ħin qabel bil-Pulizija jiġu avviċinati minn persuna li kien qed isuq karozza tat-tip Renault Megan li beda jgħajjat li kienu sparawlu.

L-isparatura seħħet f’Ħal Millieri bejn Triq iż-Żurrieq u Triq l-Imqabba, iżda l-karozza bil-feruti nstaqet sa Triq il-Konvoj fl-Imqabba.  Il-vittma sofra minn tir f’rasu w ż-żagħżugħ li baqa’ ħaj minn tiri f’sidru u f’wiċċu.

Leon Debono qal fil-Qorti li kien jaħdem ta’ mastrudaxxa imma bħalissa jinsab bla xogħol. Owen Schembri qal li ma jaħdimx. Huma ġew akkużati b’rabta mal-isparatura li seħħet l-Erbgħa bil-lejl fl-akwati ta’ Ħal Millieri, fil-limiti taż-Żurrieq. Iż-żewġ żgħażagħ ġew arrestati f’Ħal Kirkop inqas minn tliet sigħat wara li seħħ il-każ.

L-investigazzjonijiet, tmexxiet mill-Iskwadra tal-Omiċidji fi ħdan d-Dipartiment tar-Reati Maġġuri, flimkien mal-Pulizija tad-Distrett. Huwa mifhum li l-inċident seħħ fuq kwistjoni relatata ma’ traffikar ta’ droga..

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-ispetturi Keith Arnaud, Kurt Zahra u Melvin Camilleri u dawn mistennija jkunu fost l-ewwel xhieda fil-kumpilazzjoni ta’ nhar il-Ħamis fid-9.00am.

Fil-jum li l-akkużati tressqu l-Qorti, wara sigħat twal ta’ tfittxijiet, kmieni filgħodu, il-Pulizija sabet l-arma tan-nar li allegatament intużat fil-każ. L-arma nstabet moħbija f’siġra f’għalqa f’Ħal Kirkop.

L-Avukat Giannella De Marco qed tirrappreżenta lil Leon Debono, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal Owen Schembri. L-Avukati Mark Refalo u James D’Agostino qed jidhru għan-nom tal-vittmi.