Sport Waterpolo

Illum jispikka l-konfront bejn Exiles u Sliema

(Ritratt: Matthew Tabone)

Hekk kif illum tingħata bidu għal ġimgħa deċiżiva li se tiddetermina kif it-timijiet se jkomplu l-istaġun, illum minn Grupp B tal-fażi preliminari tispikka l-logħba bejn il-ġirien Exiles Ferretti u Sliema Frank Salt.

Qabel il-logħba, Sliema jibdew favoriti li jiksbu dawn it-tliet punti biex ikomplu jikkonfermaw posthom bħala sfidanti serji għar-rebħ tal-kampjonat. Fl-ewwel logħbiet tal-istaġun, it-tim ta’ Sergio Afric wera li hu l-aktar tim konsistenti.

Exiles fuq in-naħa l-oħra qed jitjiebu aktar kemm jgħaddu logħbiet. Din il-ġimgħa jilagħbu l-konfront deċiżiv kontra Valletta għal min se jkompli l-istaġun fil-Kampjonat Premier. Għalhekk dan il-konfront jista’ jgħin lil Exiles jekk jirnexxilhom ma jkunux megħluba.

Fil-logħba l-oħra iżda minn Grupp A, Marsaskala Fish and Fish u Ta’ Xbiex se jfittxu l-ewwel punti fil-grupp tagħhom. Marsaskala għandhom skwadra aħjar minn tal-avversarji u kienu megħluba kontra avversarji aktar kwotati. Fuq in-naħa l-oħra, Ta’ Xbiex hu bbażat fuq tim mimli żgħażagħ b’self mingħand Sliema u qed iqisu dawn il-logħob biex jiksbu l-esperjenza.

Grupp A

Illum: Marsaskala v Ta’ Xbiex 6.15pm

Għada: Birżebbuġa v Sirens 6.35pm, Neptunes v Marsaxlokk 7.40pm

Grupp B

Illum: Exiles v Sliema 7.20pm

Għada: San Ġiljan v Otters 5.30pm