Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Inċertezza dwar il-ftuħ tal-iskejjel

Għalliema, studenti u ġenituri għal darb’oħra jinsabu f’inċertezza. Ma jafux x’ser jiġri mis-sena skolastika li jmiss. Dan wara li l-Gvern ħareġ tliet xenarji differenti; Xenarju fejn l-iskejjel jiftħu f’Settembru, jew li l-iskejjel jibqgħu magħluqin u jiftħu għat-tieni term, jew li jiftħu b’sistema fejn mhux l-istudenti kollha jattendu l-iskola fl-istess ħin u fl-istess ġranet.

Dwar dan, tkellimna ma’ Marco Bonnici il-President tal-Union tal-Ghalliema l-MUT. Hu saħaq li l-aħħar xenarju huwa diffiċċli jekk mhux impossibbli li tħaddmu minħabba problema ta’ loġistika u riżorsi. Bonnici saħaq li bin-numri kif jinsabu bħalissa, l-iskejjel m’għandhomx jinfetħu.

Ħadna wkoll l-ewwel kummenti ta’ Graham Sansone mill-Union tal-Edukaturi Professjonisti. Hu saħaq li dawn ix-xenarji ma kienux diskussi mal-union fejn ma saru ebda laqgħat mal-Gvern.

Staqsejnihom ukoll x’qed jahsbu l-għalliema f’dan il-perijodu sensittiv, fejn qed naraw in-numri tal-Covid-19 jizdiedu. Sansone stqarr li l-għaliema jinsabu fi stat ta’ inċertezza kbira għax ma jafux x’se jiġri u ma jafux kif għandhom jippreparaw għas-sena skolastika l-ġdida, fattur li qed joħloq anzjetà fost l-edukaturi. Bonnici saħaq li bħalissa hemm ħafna inċertezza għaliex ħadd ma jaf x’se jiġri min issa sa’ Settembru.

Wara li ftit tal-jiem ilu biss il-Ministru tal-Edukazzjoni Owen Bonnici fil-Parlament kien assigura li l-iskejjel se jiftħu fit-28 ta’ Settembru, issa s-sillabi ppubblikati mill-istess Ministeru qed jindikaw li hemm il-possibbilita’ li l-iskejjel jiftħu sahansitra f’Jannar jew li jiftħu b’tali mod li l-klassijiiet ikollhom jinqasmu f’żewġ gruppi jew aktar… u kull grupp jattendi fi ġranet differenti biex ma jkunux flimkien fil-klassi.

L-għalliema huma mistennija jippreparaw xogħol għal tlett xenarji kompletament differenti. Dan għaliex il-Ministru Owen Bonnici ma ħax deċiżjoni sabiex jistabbilizza s-sens ta’ inċertezza li tezisti kemm fost l-għalliema, l-istudenti u anke l-ġenituri.

L-iskejjel f’pajjiżna kienu ngħalqu fit-13 ta’ Marzu, kważi ġimgħa wara li feġġ l-ewwel każ ta’ COVID-19 dakinhar kellna 13-il każ attiv. Fil-mument, pajjiżna għandu aktar minn 200 każ attiv ta’ Coronavirus.