Internazzjonali

Iżrael jirritalja bil-qawwi għal ‘azzjoni tas-Sirja’

L-Armata ta’ Iżrael ikkonfermat – fi stqarrija rari – li l-ajruplani tal-gwerra tagħha laqtu diversi miri militari tas-Sirja, bl-azzjoni sseħħ bħala ritaljazzjoni kontra aġir aggressiv min-naħa tar-reġim ta’ Damasku.

Intant, is-Sirja rikonoxxiet l-attakki u rappurtat ‘ħsarat materjali li ma kenux speċifikati’ qalb xi zoni militari viċin il-belt kapitali.

Kelliema għall-Qawwiet tad-Difiża Iżraeljani sostnew li l-attakki seħħew bħala tpattija għal ‘attentat bi splussivi’ kontra Iżrael.

Rapporti oħra tennew, intant, li l-militar Iżraeljan qatel erba’ irġiel li nqabdu qegħdin iqiegħdu l-isplussivi viċin is-settur okkupat mill-Iżraeljani qalb l-Għoljiet tal-Golan. Filmati li ġibdu l-gruppi Iżraeljani għal sorveljanza, fl-istess ħin, urew ‘grupp ta’ nies maqbudin fl-eqqel ta’ splużjoni’.

Filwaqt li s-sorsi militari ma indikawx lill-irġiel bħala membri ta’ organizzazzjoni speċifika, Iżrael qed jinsisti li r-reġim tas-Sirja hu ‘responsabbli’ minn azzjoni aggressiva oħra kontra l-interessi tal-Iżraeljani.

Ir-ritaljazzjoni ta’ Iżrael ikkonċentrat fuq is-siti Sirjani għall-osservazzjoni, kif ukoll fuq ‘sistemi għall-ġbir ta’ informazzjoni sigrieta’. Spiċċaw attakkati anki diversi faċilitajiet ta’ difiża ( inkluża artillerija) għal kontra attakki mill-ajru, flimkien ma’ sistemi ‘għall-kmand u kontroll’ tal-militar Sirjan.

Il-miri huma elementi tal-bażijiet tal-Armata Sirjana fl-inħawi ta’ Qunaitra.

Sadanittant, il-qawwiet tad-difiża Iżraeljani qalu li l-Gvern Sirjan irid ‘jagħmel il-kontijiet’ għall-attivitajiet tiegħu kollha fit-territorji li jikkontrolla — bl-istess qawwiet  ta’ Iżrael se jibqgħu jinsistu biex irażżnu kwalunkwe abbuż tas-sovranità ta’ pajjiżhom.

Is-sorsi tal-aħbarijiet Sirjani wieġbu li l-Armata ta’ pajjiżhom kienet attivat id-difiżi tal-ajru għal kontra ‘elementi ostili’ viċin Damasku.

Dan waqt li l-Osservatorju Sirjan għad-Drittijiet Umani rrefera għal diversi rejds tal-ajru fuq il-belt ta’ Boukamal, qrib il-fruntiera Sirjana mal-Iraq, u li fihom tilfu ħajjithom talanqas 15-il persuna.

It-tensjoni ilha tbaqbaq bejn Iżrael u s-Sirja – b’mod partikulari tul il-fruntiera Iżraeljana lejn in-nofsinar – wara li ġellied tal-Hezbollah ( il-grupp tal-militanti Lebaniżi X’iti, alleat ta’ Damasku ) kien spiċċa maqtul, ġimgħatejn ilu, waqt attakk mill-ajru tal-Iżraeljani.