Lokali

“Kif jista’ jkun li ħadd ma kien hu?”

Il-famuż kuntratt tal-VGH; il-kuntratt illi l-ewwel qalu li ma jafux fejn hu… imbagħad b’mod mirakoluż… instab.

Ftehim li kien deskritt mill-Uffiċju tal-Awditur Ġenerali bħala konfoffa bejn il-kumpanija u l-Gvern. Iżda issa, l-ebda naħa ma trid tieħu responsabbiltà tiegħu – la Robert Abela, la Vitals la l-Malta Enterprise u lanqas Chris Cardona.

Nhar il-Ħadd li għadda, l-editorjal ta’ The Malta Independent qal li huwa pjuttost stramb li Cardona ffirma dan il-ftehim mingħajr ma kien involut fin-negozjati li saru. Il-fatt li hemm il-firma tiegħu jagħmlu parzjalment kompliċi f’dan l-iskandlu.

L-Awditur Ġenerali jsemmi wkoll lil Keith Schembri li kien il-persuna li organizza laqgħa bejn il-Gvern u l-investituri. Bi Schembri jgħid li huwa provda biss kamra fejn issir din il-laqgħa.

L-Editorjal jgħid li huwa diffiċli li wieħed jemmen li Keith Schembri kien involut biss biex jipprovdi allokazzjoni għal din il-laqgħa… meta Schembri kien il-moħħ wara diversi skandli tal-Gvern Laburista.

U l-kobba kompliet tithabbel meta l-eks Ministru tas-Saħħa Konrad Mizzi ukoll insista li huwa innoċenti… l-istess bħalma qal Joseph Muscat, li suppost kien responsabbli ghal kull ħaġa li jagħmel il-Gvern. Każ ċar tal-ħmar iwaħħal f’denbu… fejn ħadd ma għamel xejn u ħadd ma sema’ xejn.

L-Editorjal tal-Independent qal li dan huwa każ li għandu jiġi investigat mill-Pulizija, fejn it-Taqsima tar-Reati Kriminali ilha għal dawn l-aħħar seba’ snin mingħajr ma ħadet ebda azzjoni. U ghalkemm hemm provi ċari ta’ korruzzjoni u ħasil tal-flus minn membri tal-Gvern, ħadd minnhom ma ġie investigat minn din it-taqsima fi ħdan il-Pulizija.