Internazzjonali

L-Istati Uniti ġġarrab il-qilla tal-Uragan Isaias

L-Uragan Isaias, li kien ilu jberraq għal dawn l-aħħar ġranet, irranka fis-saħħa, b’riżultati devastanti għaz-zoni qrib il-kosta fl-Istat ta’ North Carolina.

Il-maltemp tal-uragan kien iddominat b’ħalbiet tax-xita li ma riedu jaqtgħu xejn flimkien ma’ irwiefen b’veloċità ta’ kważi 140 kilometru fis-siegħa. L-għargħar, intant, kien konsegwenza partikulari tal-maltemp, b’eluf  ta’ residenzi jispiċċaw mingħajr dawl.

In-National Hurricane Center  ħareġ l-avviżi dwar ‘il-gravità tas-sitwazzjoni’, fost twissija speċifika dwar żieda potenzjali fil-qilla tal-maltemp b’theddida diretta għall-komunitajiet.

Uragan Isaias, fil-preżent, qed javvanza minn North Carolina fid-direzzjoni ta’ Virginia, New Jersey u New York.  Dan wara li l-Gvernatur ta’ North Carolina, Roy Cooper, ħeġġeġ biex ir-residenti jżommu l-massimu tal-allert fi stat ta’ emerġenza.

‘Isaias’ hu d-disa’ maltempata ta’ kalibru partikulari li ngħatat isem (fl-Istati Uniti) din is-sena. Għalkemm l-esperti meteoroloġiċi, fi tmiem il-ġimgħa, kienu naqqsu l-iskala ta’ ‘Isaias’ minn uragan għal maltempata tropikali, il-maltemp ma damx biex ikun ‘kategorizzat’ mill-ġdid bħala uragan waqt li (nhar it-Tnejn) kien qed javviċina l-artijiet ta’ North u South Carolina.