Coronavirus Ekonomija Lokali

Li qed jagħmel il-Gvern Malti mhux aċċettabli – ECA

Dikjarazzjoni iebsa minn Philip von Schöppenthau, is-Segretarju Ġenerali tal-European Cockpit Association li tirrappreżenta ‘l fuq minn 40,000 bdot madwar l-Ewropa.

L-ECA estendiet l-appoġġ tagħha lid-69 bdot tal-Air Malta li tkeċċew mill-kumpanija f’Ġunju li għadda. Fi stqarrija, wissiet lill-Ewropa kollha dwar l-Gvern ta’ Robert Abela.

Il-President tal-Assoċjazzjoni, Jon Horne saħaq li “It-trattament tal-piloti tal-Air Malta huwa eżempju qawwi li COVID19 qed jintuża bħala skuża biex iddgħajjef id-drittijiet tal-ħaddiem, u dan m’għandux ikun tollerat.”

Huma saħqu li l-Air Malta ma wettqitx proċess ta’ konsultazzjoni kif suppost u  kif meħtieġ mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropeja. Barra minn hekk, u kuntrarju għal-liġi tal-UE, l-impjiegi tal-Air Malta qed jiġu mimlija minn ekwipaġġi li jaħdmu għal rashom reklutati minn aġenzija fir-Renju Unit wara d-deċiżjoni tal-Air Malta li allegatament trasferixxiet l-operazzjonijiet charter lill-kumpanija tal-Gvern, Med Air.

L-ECA saħqu li f’ġurisdizzjonijiet oħra bħall-Olanda, Spanja u l-Belġju, l-imħallfin annullaw it-tkeċċijiet meta min iħaddem ma rrispettax il-proċeduri statutorji iżda f’Malta għal xi raġuni dan ma kienx il-każ.

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti saħqet li l-imħallfin jobbligaw lil min iħaddem biex jirrispetta liġijiet Ewropej u f’raġunijiet bħal dawn, jipprojbixxu t-tkeċċija filwaqt li jiggarantixxu r-rispett tad-drittijiet tal-impjegati minquxa fi ftehim kollettivi. Barra minn hekk, l-ECA qalu li prinċipju bażiku tal-liġi soċjali huwa li l-kuntratturi ma jistgħux jieħdu f’idejhom impjieg dirett wara tkeċċija.

L-ECA ħeġġew lill-Gvern Malti biex isolvi l-kwistjonijiet mal-Air Malta, billi juża fondi tal-UE li ftaħar li ġab u kwalunkwe mezz ieħor disponibbli, sabiex jipprovdi appoġġ ġust għat-tul tal-kriżi. Huma appellaw ukoll lill-Robert Abela u l-Minisru responsabbli mill-linja nazzjonali biex jiżgura li d-drittijiet tal-ħaddiema jiġu rrispettati u li l-ebda imġieba opportunistika li thedded is-sostenibbiltà soċjali ma tkun permessa.