Atletika Sport

Numra ta’ rekords jiġu miksura waqt il-Kampjonati taż-Żgħażagħ u l-Open Challenge

(Ritratt: Wally Galea)

Fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet ġew miksura numru ta’ rekords waqt il-Kampjonati taż-Żgħażagħ u l-Open Challenge tal-kbar li kienu organizzati mill-MAAA fil-Matthew Micallef fil-Marsa. B’kollox inkisru seba’ rekords fejn ħadu sehem 245 atleta f’46 avveniment.

Julian Zarb ta’ La Salle ipproduċa prestazzjoni mill-aqwa fl-1500 m steeplechase f’4.58.6 filwaqt li Daniel Saliba ta’ Pembroke tejjeb ir-rekord nazzjonali fil-kategorija Open fil-110m hurdles għat-tieni darba din is-sena fejn wettaq ħin ta’ 0:15.34.

Sarah Chouchal ta’ Rush Athletics Club irreġistrat ħin ta’ 1:06.09 fid-debutt tagħha fil-400m hurdles, biex b’hekk waqqfet record nazzjonali ġdid għall-kategoriji kemm ta’ taħt it-18 –il sena kif ukoll fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena. Antonio Flores ta’ Żurrieq Wolves kiser ir-rekord nazzjonali fil-kategorija 100m T64 f’ħin ta’ 0:12.71.

Tliet atleti oħra kisbu record fil-Kampjonati tal-età rispettivi tagħhom, Luca Gerada ta’ Starmax fil-kategorija ta’ taħt l-14 –il sena li rnexxielu jitfa’ l-javelin f’distanza ta’ 27.35m, Miguel Buttigieg ta’ La Salle fil-kategorija ta’ taħt is-16 –il sena b’ħin ta’ 0:36.62 fid-discus u Mireya Bugeja ta’ Żurrieq Wolves fil-kategorija ta’ taħt l-14 –il sena li rreġistrat ħin ta’ 1:40.53 fis-600m.

Luke Bezzina ta’ St.Patrick’s , Jean Paul Debono ta’ Żurrieq Wolves u Christian Chetcuti ta’ Pembroke wkoll kisbu riżultati pożittivi. Carla Scicluna ta’ Pembroke rebħet il-200m fil-kategorija ta’ taħt l-20 sena filwaqt li Luca Farrugia rebaħ l-400m.

Fil-5000m ġew reġistrati diversi ħinijiet tajbin fuq bażi personali, bit-tellieqa tintrebaħ minn David Borg ta’ Athletic Gozo.  Fil-kategorija femminili r-rebbieħa kienet Lisa Marie Bezzina ta’ Pembroke Athleta. Fi tmiem dawn l-avvenimenti, il-President tal-MAAA Andy Grech qal li minkejja li din il-ġimgħa kienet waħda mill-aktar diffiċli għall-assoċjazzjoni, iż-żgħażagħ għamlu lill-assoċjazzjoni kburija.