Lokali Qorti

Raġel akkużat bi stupru jerġa’ jispiċċa fil-kustodja tal-Pulizija fuq allegat theddid lit-tfajla tiegħu

Raġel li qed jiġi mixli bi stupru  li kien bil-libertà proviżorja reġa’ spiċċa fil-kustodja tal-Pulizija wara li allegatament hedded lit-tfajla tiegħu. Quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Ahmed Rasem A. Franko (magħruf ukoll bħala Ahmed Franka), ta’ 35 sena mil-Libja ġie akkużat li kkawża lit-tfajla biża mill-vjolenza fuqha, ħsara fuq il-propjetà tagħha, ħsara kriminali, li kiser il-paċi pubblika u li  reġa’ u kiser ordni tal-libertà proviżorja.

Franko, li fil-Qorti qal li hu jaħdem bħala persuna li tgħin lill-kok fil-kċina, qal li kien jgħix Gzira, iżda l-Ispettur tal-pulizija Trevor Micallef irrimarka lill-Qorti li fil-fatt, Franko jirrisjedi f’Marsaxlokk mal-vittma.

Franko kien inħeles fuq il-ħelsien mill-arrest f’Mejju 2018 wara li ġie akkużat bil-qtil ta’ raġel Kolumbjan f’Paceville fl-2016. Waqt il-ħelsien mill-arrest għal dak ir-reat, ir-raġel ġie miżmum il-ħabs fl-2017 għall-attentat ta’ stupru ta’ tfajla Żvediża f’Paceville li allegatament seħħet fl-2015.

L-akkużat wieġeb li mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih iżda ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest. L-avukati Franco Debono u Marion Camilleri deheru għall-akkużat.