Futbol Sport

Sanchez se jingħaqad ma’ Inter b’mod permanenti

(Ritratt: EPA)

Alexis Sanchez mistenni jkompli l-karriera tiegħu ma’ Inter wara li rapporti insistenti fil-media internazzjonali rrappurtaw li Inter laħqu ftehim ma’ Manchester United. Iċ-Ċilen li kien b’self ma’ Inter, se jingħaqad b’mod permanenti mat-tim Taljan mingħajr ħlas.

Minkejja li kien fadallu sentejn fil-kuntratt tiegħu ma’ Manchester United, ir-Red Devils dehru li kienu qed jixtiequ li jneħħu lil Sanchez minn fuq is-salarju tagħhom billi jħalluh jitlaq b’xejn. Il-plejer ta’ 31 sena għandu salarju ta’ madwar nofs miljun ewro fil-ġimgħa wara li ffirma mingħandhom mingħand Arsenal f’Jannar tal-2018.

Sanchez ma’ Manchester United iddiżappunta u sabha diffiċli li jikseb post regolari fis-sena u nofs li dam mal-klabb. Ma’ Inter f’dan l-istaġun, Sanchez tilef ħafna mil-logħbiet minħabba li weġġa’ fit-tul. Minkejja dan il-fatt, Sanchez lagħab 22 logħba fil-kampjonat, skorja erba’ gowls u serva disa’ assists, hekk kif Inter spiċċaw fit-tieni post.