Sport Waterpolo

Sliema jegħlbu l-isfida ta’ Exiles fi Grupp B u l-ewwel rebħa għal Ta’ Xbiex fi Grupp A

Stewart Said

EXILES FERRETTI…………….. 5

SLIEMA FRANK SALT……….. 9

(1-2), (1-2), (0-2), (3-3)

Sliema Frank Salt baqgħu b’punti massimi fi Grupp B filwaqt li aċċertaw minn tliet punti fil-Kampjonat Premier jekk Exiles ikunu fl-istess kampjonat minħabba li l-konfront jgħodd. Rebħa diffiċli għal Sliema minkejja li kienet meritata, b’Exiles joffru sfida denja. Bi prestazzjonijiet li qed ikomplu jitjiebu, Exiles jibdew favoriti li jirbħu l-konfront importanti kontra Valletta u jikkonfermaw posthom fil-Kampjonat Premier.

Nicholas Bugelli ta vantaġġ doppju lil Sliema, l-ewwel b’xutt minn qagħda ideali imbagħad minn kontrattakk. Mark Fenech naqqas id-distakk wara għamel spazju għalih innifsu. Exiles irnexxielhom jirkupraw l-iżvantaġġ fit-tieni sessjoni b’gowl ta’ Philip Paris. Huma resqu qrib li jmorru minn fuq iżda laqtu l-lasta, b’Sliema juru l-opportuniżmu biex mhux biss reġgħu kisbu l-vantaġġ minn Jacob Sciberras iżda daħlu jistrieħu 4-2 b’gowl ta’ Jamie Gambin.

Il-prestazzjoni ta’ Sliema sa dak il-ħin ftit kienet ikkuntentat lil Sergio Afric. Il-plejers Slimiżi donnhom stenbħu u tejbu l-prestazzjoni tagħhom. Huma kienu solidi fid-difiża filwaqt li rnexxielhom ikabbru l-vantaġġ għal 6-2 b’gowl tipiku ta’ Jerome Gabarretta u x-xellugi Zach Mizzi. Gabarretta skorja t-tieni gowl personali fl-aħħar sessjoni. Exiles wettqu reazzjoni u naqqsu d-distakk minn Jake Bajada u Aurelien Cousin bi ftit fortuna. Philip Paris ta ftit tama lil Exiles li setgħu jwettqu rimonta diffiċli iżda Michael Spiteri Staines mill-ewwel kabbar il-vantaġġ għal tliet gowls, b’Gabarretta jissiġilla r-rebħa.

Exiles: M. Castillo, J. Bajada (1), A. Magri, P. Paris (2), T. Sullivan, S. Xerri de Caro, M. Fenech (1), K. Griscti, N. Paris, A. Cousin (1), S. Apap, D. Fenech, I. Schembri

Sliema: N. Grixti, J. Gabarretta (3), L. Galea, J. Sciberras (1), M. Meli, B. Cachia, M. Spiteri Staines (1), J. Cutajar, J. Brownrigg, J. Gambin (1), Z. Mizzi (1), N. Bugelli (2), A. Teuma, C. Cutajar, E. Schembri

Referees: Alex de Raffaele, Stefano Pinato

L-ewwel rebħa għal Ta’ Xbiex

MARSASKALA FISH AND FISH………. 4

TA’ XBIEX…………………………………….. 6

(0-1), (2-2), (1-0), (1-3)

Ta’ Xbiex kisbu l-ewwel rebħa minn Grupp A, tliet punti importanti hekk kif iż-żewġ timijiet se jilagħbu fl-Ewwel Diviżjoni u għalhekk dawn il-punti jgħoddu għall-kampjonat ukoll. Matthew Mifsud skorja l-uniku gowl tal-ewwel sessjoni, b’Niall Saliba jirdoppja fit-tieni sessjoni. F’żewġ okkażjonijiet Marsaskala naqqsu d-distakk għal gowl permezz ta’ Luca Felice u Kyle Navarro iżda Mark Demarco kien għamel l-iskor parzjali 3-1.

Fit-tielet sessjoni, Marsaskala rnexxielhom iġibu d-draw. Wara li ġie eskluż Niall Saliba, il-kowċ ta’ Marsaskala Arpad Babay sejjaħ time-out, b’Max Aquilina jġib id-draw fl-azzjoni sussegwenti. Madankollu huma qatt ma rnexxielhom imorru fil-vantaġġ, kawża wkoll ta’ okkażjonijiet mitlufa. Ta’ Xbiex kisbu vantaġġ doppju fil-bidu tal-aħħar sessjoni permezz ta’ Gerald Sammut u Mark Carani minn man-up. Il-veteran Paul Privitera ħalla lil Marsaskala fil-logħba b’gowl minn man-up. Kien għad fadal nofs sessjoni biex idawru l-logħba iżda fl-attakk ta’ wara, Niall Saliba għamel l-iskor 6-4 minn man-up ukoll.

Marsaskala: J. Micallef, J.C. Cutajar, A. Camenzuli, P. Privitera (1), M. Aquilina (1), L. Grixti, K. Navarro (1), M. Manara, L. Felice (1), J. Culic, D. Camilleri, D. Ciappara, A. Muscat, A. Grima Scott, G. Galea

Ta’ Xbiex: M. Vassallo, M. Mifsud, R. Greco, D. Rizzo, F. Cutajar, M. Demarco (1), M. Carani (1), N. Saliba (2), K. Borg, G. Sammut (1), N. Schiavone, S. Azzopardi, M. Farrugia, J. Saliba, A. Mifsud

Referees: Massimo Angileri, Giuliana Nicolosi