Internazzjonali

Spanja: ‘Tmiem’ umiljanti għall-eks Re Juan Carlos

L-eks Re ta’ Spanja, Juan Carlos, telaq minn pajjiżu lejn destinazzjoni mhix magħrufa, b’dan il-pass iseħħ ġimgħat wara li ismu kien marbut ma’ inkjesta dwar allegata korruzzjoni. Juan Carlos, li għandu 82 sena, kien ħabbar il-pass permezz ta’ ittra lil ibnu, Felipe, li kien laħaq fuq it-tron ta’ Spanja minfloku, sitt snin ilu.

L-eks Re Spanjol, intant, qal li hu lest li jikkollabora mal-prosekuturi f’każ li huma  jridu javviċinawh biex jagħmlulu l-mistoqsijiet.

F’Ġunju, il-Qorti Suprema ta’ Spanja fetħet investigazzjoni dwar l-allegat sehem ta’ Juan Carlos f’kuntratt għal proġett tal-ferrovija fl-Arabja Sawdija. L-investigazzjoni mistennija tiddetermina jekk l-eks Re Spanjol aċċettax xi ħlas ta’ commissions illegali marbutin mal-proġett.

Intant, mhux eskluż li Juan Carlos kien telaq diġà minn Spanja fil-ħin li sar magħruf il-kontenut tal-ittra lil Felipe. Fl-istess ħin, il-media Spanjola qed tindika li l-eks Re Spanjol seta mar fir-Repubblika Dominikana.

It-tluq ta’ Juan Carlos qed jitqies ukoll bħala ‘tmiem umiljanti’ għal Re li seta kien magħruf  ‘biss’ għar-rwol storiku tiegħu bħala l-mexxej li ħareġ lil Spanja minn dittatorjat ( wara l-mewt, fl-1975, tal-Ġeneral faxxista Francisco Franco) u fejn kien ukoll strumentali fil-bidla tal-pajjiż f’demokrazija.

Ir-Re Juan Carlos kien abdika mit-tron fl-2014 wara kważi 40 sena bħala Re u wara investigazzjoni dwar każ ta’ korruzzjoni li kien jinvolvi lir-raġel ta’ bintu u ġita kontroversjali fejn l-eks Re iddeverta ruħu waqt kaċċa għall-iljunfanti — fi żmien meta Spanja kienet tinsab fl-eqqel ta’ kriżi finanzjarja.