Internazzjonali

L-ISPLUŻJONI F’BEJRUT: 50 mejta, u ‘l fuq minn 3,000 midruba

Filmati tal-isplużjoni li xxukjaw id-dinja kollha

Tard it-Tlieta waranofsinhar, splużjoni enormi heżżet il-qalba ta’ Bejrut, il-belt kapitali tal-Libanu. Dan seħħ fi żmien ta’ tensjoni partikulari fil-kapital meta n-nies qed jistennew il-verdett tal-ġuri dwar il-qtil tal-eks Prim Ministru Lebaniż, Rafik Hariri, li jmur lura għall-2005.

Skont l-aħħar rapporti, l-awtoritajiet li qed jindagaw dwar l-isplużjoni kkonfermaw li tilfu ħajjithom tal-anqas 50 persuna u bil-midruba jaqbżu t-3,000. Iċ-ċifra tal-vittmi kapaċi titla’ fis-sigħat li ġejjin bl-iskwadri tas-salvataġġ qed jagħmlu l-almu biex joħorġu n-nies minn taħt bini li nqerdu kompletament fl-isplużjoni.

Qed jingħad li l-isplużjoni tant kienet qawwija li nħasset saħansitra minn Ċipru.

L-agħar impatt tal-isplużjoni jidher li straxxna liż-żona tal-port tal-kapitali, fost indikazzjonijiet ta’ ‘tieni splużjoni’ ftit wara. Il-kaġun għadu mhux magħruf iżda xi sorsi qalu kien hemm ħażna kbira ta’ splussivi fis-sit inkwistjoni — bl-investigazzjoni qeds tkompli.

L-ewwel filmati mill-inħawi wrew daħna kbira tiela’ miċ-ċentru ta’ Bejrut, bis-sorsi jikkonfermaw ħsarat estensivi fiz-zona

Wara, xi sorsi kienu qed jirreferu għall-possibbiltà ta’ ‘tieni splużjoni’ fir-residenza ta’ Hariri fil-kapitali Lebaniza.

It-tribunal tan-Nazzjonijiet Uniti nhar il-Ġimgħa għandu jiddeċiedi d-destin ta’ erba’ suspettati fil-qtil tal-eks Prim Ministru Lebaniż li kien tilef ħajtu fi splużjoni ta’ karozza-bomba. L-erba’ huma membri tal-grupp Hezbollah — il-moviment tal-militanti Lebanizi X’iti appoġġjat mill-Iran u li ċaħad kemm-il darba għar-responsabbiltà fil-qtil ta’ Hariri.