Coronavirus Lokali

36 każ ġdid fl-aħħar 24 siegħa f’pajjiżna; il-każi attivi jitilgħu għal 249

Il-każi attivi ta’ Coronavirus f’pajjiżna issa telgħu għal 249, hekk kif fl-aħħar sigħat kienu rrappurtati 36 każ pożittiv ġdid. 16 minnhom huma immigranti li kellhom jiġu iżolati wara li ttestjaw pożittiv għall-virus.

Fortunatament, fl-aħħar sigħat kien hemm ukoll żewġ persuni li fiequ, bit-total ta’ każi jitilgħu għal 926. Madankollu, fl-aġġornament fil-paġna fuq Facebook, il-Ministeru tas-Saħħa ħeba s-16-il każ tal-immigranti irregolari fost il-każi attivi, iżda ma semmihomx fl-ammont ta’ każi pożittivi ġodda.

Jidher li l-immigranti li rriżultaw pożittiv qatt ma kienu f’kuntatt mal-bqija tal-komunità u jiffurmaw parti minn gruppi differenti li waslu f’pajjiżna fl-aħħar jiem. L-aħħar grupp kien magħmul minn 78 immigrant li ddaħħlu Malta fis-sigħat bikrin tat-Tnejn filgħodu. Huma ġew iżolati u sarilhom swab test għall-Covid.

Bħalma hi l-proċedura, l-immigranti li jaslu bil-baħar qed jinżammu fi kwarantina. Dawk li nstabu pożittivi se jibqgħu jinżammu f’iżolament fil-Ħal Far Initial Reception Centre u l-bqija se jibqgħu jiġu segwiti.

Min-naħa l-oħra, il-Ministeru tas-Saħħa spjega li ħames każi mill-oħrajn irrappurtati l-Erbgħa waranofsinhar kienu jiffurmaw parti mill-grupp ta’ każi li oriġinaw f’Paceville, filwaqt li erbgħa oħrajn kienu relatati ma’ każi oħrajn li rriżultaw fl-aħħar jiem. Il-kumplament kienu sporadiċi, jiġifieri ma jafux minfejn oriġinalhom il-virus.