Lokali Qorti

Bħal missieru ma jinstabx ħati fuq użura minħabba nuqqas ta’ provi

Minħabba nuqqas ta’ provi l-Qorti tal-Maġistrati lliberat żagħżugħ li flimkien ma’ missieru kien qed jiġi akkużat b’każ taż użura. L-allegazzjoni minn naħa tal-Prosekuzzjoni kienet li Gilbert Galea ta’ 29 sena miż-Żurrieq talab sewwieq tat-taxi s-somma ta’ €150,000 għal self ta’  €7,500.

Gilbert Galea kien tressaq fuq dan il-każ ma’ missieru Anthony Galea ta’ 58 sena, li fil-konfront tiegħu l-proċeduri fil-Qorti diġa ġew eżawriti f’Marzu tas-sena l-oħra. Il-Qorti dak inhar ukoll kienet iddikjarat li l-provi ma laħqux il-livelli skont il-liġi. 

Gilbert Galea ma nstabx ħati li sellef flus b’rati eċċessivi, li hedded lill-vittma u li kkawżalu biża li kienet se tintuża vjolenza kontra tiegħu, tant li kważi wasslu biex jikkommetti suwiċidju.  

L-allegat vittma xtaq jissellef €10,000 mingħand Gilbert Galea biex jagħmel manutenzjoni fil-forn tiegħu u biex jixtri tagħmir għan-negozju. Gilbert Galea li kien irillaxxa stqarrija, rrakkonta li huwa kien ipperswada lil missieru biex isellef lill-vittma €7,500, fejn daħħlu wkoll fi skrittura privata ma’ Galea. 

Madankollu t-talbiet għal u l-interessi bdew telgħin ġmielhom, u laħqu l- €150,000, li fisser li l-allegat vittma beda jikkontempla jagħmilx suwiċidju. Kemm il-missier kif ukoll ibnu dejjem ċaħdu l-akkużi miġjubin kontrihom.

Il-proċeduri fil-Qorti kienu sar b’mod separat, u tnejn instemgħu quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud. L-allegat vittma kien qal fil-Qorti li kienu qabduh dwejjaq kbar u ried li jneħħi ħajtu b’idejh.

Huwa kien wasal f’dan l-istat ghaliex kien isellef l-ammont ta’ sebat elef u €7,500  u li dawn malajr spiċċaw bex telgħu ghal €125,000. Spjega li hu kien beda billi isellef l-ammont ta’ tlett elef ewro €3,000 minghand Gilbert Galea, u li dan l-ammont kien ġabu dan mingħand missieru.

Minn dan l-ammont huwa kien ħallas €1,500 permezz ta’ tliet pagamenti ta’ €500 ’l wiehed. Kompla jghid li huwa kien isellef dawn il-flus peress li kellu ‘snack bar’ li huwa xtaq li jimmodernizza.

Apparti l-ammont ta’ €3,000 huwa kien isellef wkoll l-ammont ta’ €4,500. Minn dan l-ammont huwa ma kien ħallas xejn. F’ Jannar 2017, dawn is-€7,500 telgħu għall- €220,000 biċ-ċifri jvarjaw.

Gilbert Galea kien talbu biex iħallas dan l-ammont u anke talbu biex idawwar il-penthouse li kellu tat-taxi fuqu. Ix-xhud qal ukoll li kien anke involva lil tal-Caritas għall-għajnuna.

Ix-xhud qal ukoll fil-Qorti li fis-7 ta’ Diċembru 2017 kif kien sejjer lura d-dar mix-xogħol u sab lil Gilbert Galea jistennieh fejn id-dar. Galea qallu li kien se jiffrankalu xi haga u talbu €120,000. Tliet ijiem wara Gilbert Galea reġa’ avviċinah u żiedlu €30,000 oħra u sostna miegħu li sal-Ħadd ta’ qabel il-Milied kellu jaghtih €150,000.

Sostna li Galea qallu li jekk ma kienx sejjer iġib il-flus, il-Milied ma kienx se jgwadieh. L-allegat vittma qal li huwa fetaħ qalbu ma’ ħabib tiegħu u nfurmah li kien se jneħħi ħajtu b’idejh. Pero l-ħabib tiegħu laħaq għamel rapport mal-Pulizija.

Fis-sentenza tagħha iżda l-Qorti qalet li l-każ tal-Prosekuzzjoni kien qiegħed jistrieħ prinċipalment fuq ix-xhieda tal-allegat vittma. Il-kuntatti u t-talbiet għall-ħlas tal-imgħax kienu allegatament qegħdin jkunu biss bejn il-parte civile u l-imputat Gilbert Galea u ħadd aktar.

Ghalhekk peress li x-xhieda tal-allegat vittma tneħħiet mill-proċess u dan wara talba tad-difiża minħabba li l-allegat vittma ma xehedx fil-kontro-eżami,  fl-atti m’hemmx provi li jlaħħqu l-livell rikjest għall-sejbien ta’ ħtija.

Il-Qorti qalet li x-xhieda kollha li xehdu f’dawn il-proċeduri b’eskluzjoni tal-allegat vittma kollha qegħdin jirraportaw dak li qalilhom hu. Il-fatt li l-firem fuq l-irċevuti ġew konfermati mill-istess espert tal-Qorti li kellhom somiljanza għall-firem tal-parte civile u l-imputat Gilbert Galea huma utili biss biex jikkonfermaw li sar self bejn il-partijiet.

Madankollu ma jitfgħux dawl fuq jekk kinux qegħdin jintalbu imgħaxxijiet b’eċċess minn dak li tippermetti l-liġi. La darba il-livell ta’ prova rikjest fi proċeduri penali ma intlaħaqx, il-Qorti qalet li trid bil-fors tillibera lill-imputat u ma ssibux ħati hati tal-akkużi kollha kontrih.   

Il-Qorti neħħiet ukoll l-ordni tal-iffriżar tal-assi li kienet imposta sa minn Jannar tal-2018. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela deheru għal Gilbert Galea filwaqt li l-Prosekizzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna Spettur Priscilla Caruana Lee.