Futbol Sport

Copenhagen u Shaktar Donetsk mal-aħħar tmienja fl-Europa League

(Ritratt: EPA)

Wara nuqqas ta’ bosta xhur minħabba l-pandemija tal-coronavirus llejla rritornaw il-kompetizzjonijiet Ewropej permezz tal-UEFA Europa League.

Copenhagen kwalifikaw għar-rawnd li jmiss f’din il-kompetizzjoni wara li għelbu lil Istanbul Basaksehir 3-0 wara li fl-ewwel leg kienu tilfu 1-0. Kienu Copenhagen li fetħu l-iskor wara biss erba’ minuti permezz ta’ daqqa ta’ ras ta’ JONAS WIND. Copenhagen ħadu r-riedni tal-partita f’idejhom fit-tieni taqsima u fit-52 minuta ngħataw penalty meta Topal deher imiss l-ballun b’idu b’WIND minn ħdax –il metru ma żbaljax. Għaxar minuti wara id-Daniżi aċċertaw mill-kwalifikazzjoni meta b’azzjoni personali, RAMUS FALK għamilhom 3-0.

Shaktar Donetsk għelbu lil Wolfsburg 3-0 u 5-1 aggregate biex b’hekk kisbu post mal-aħħar tmienja ta’ din il-kompetizzjoni. L-ewwel taqsima ntemmet f’parita u kienu Shaktar li resqu l-eqreb meta minn pass ta’ Taison kien Marlos li ra l-konklużjoni tiegħu taħbat mal-lasta. It-tieni taqsima kienet ftit aktar movimentata u fis-66 minuta, ir-referee ordna penalty favur Wolfsburg wara li Khocholava waqqa’ lil Joao Victor fil-kaxxa. Wara konsultazzjoni mal-VAR, ir-referee wera l-karta l-ħamra lill-istess plejer bidel id-deċiżjoni minn penalty għall-freekick. Ħames minuti wara, John Brooks ġiew muri t-tieni karta safra biex iż-żewġ timijiet komplew l-partita b’għaxra. Il-partita żvolġiet fl-aħħar minuti b’Shaktar Donetsk jiskurjaw tliet darbiet f’tempa ta’ erba’ minuti permezz ta’ doppjetta ta’ MORAES u SOLOMON.