Coronavirus Lokali

COVID-19: Il-maġġoranza mhux jaqblu li s-sitwazzjoni “taħt kontroll”

Unions u Korpi Kostitwiti irrabjati għad-deċiżjonijiet ta' Robert Abela

Stħarriġ li sar fuq Facebook mill-paġna ta’ Net News jindika li 84% ma jaqblux mal-Prim Ministru meta qal li s-sitwazzjoni tal-Coronavirus f’pajjiżna tinsab taħt kontroll.

Minn dan l-istħarriġ jirriżulta li l-maġġoranza huma verament inkwetati bin-numri li qed jiżdiedu jum wara l-ieħor; inkwiet li qed ikun espress ukoll mhux biss minn professjonisti mediċi iżda anke minn nies fl-industrija.

Dawk li pparteċipaw f’dan l-istħarriġ huma aktar minn 1,500. U għalkemm dan mhuwiex survey xjentifiku, xorta jindika parteċipazzjoni qawwija ta’ individwi li għandhom aċċess għall-pjattaforma ta’ Facebook.

Kienu biss 16% dawk li qablu ma’ Robert Abela li s-sitwazzjoni tal-Covid-19 tinsab taħt kontroll.

Il-pressjoni fuq il-Prim Ministru tant kibret fl-aħħar sigħat li kellha tissejjaħ anke laqgħa tal-MCESD biex il-Korpi Kostitwiti jispjegaw it-tħassib kbir li għandhom. Aktar u aktar issa li spiċċajna f’sitwazzjoni li konna qed nistennewha eqreb lejn il-Ħarifa, u mhux issa fl-eqqel tas-Sajf.