Lokali

Tħassib dwar l-implimentazzjoni tar-riforma fil-qasam tal-kostruzzjoni – PN

L-Oppożizzjoni Nazzjonalista tesprimi t-tħassib tagħha u tingħaqad mal-Kamra tal-Periti fis-sejħa għal azzjoni konkreta fir-rigward tar-riforma mwegħda fil-qasam tal-kostruzzjoni. Minkejja għadd ta’ inċidenti, li wieħed minnhom kien saħansitra fatali, l-Gvern għadu ċass quddiem is-sitwazzjoni. Wara li r-riforma mgħaġla li għamel l-Ministru Ian Borg falliet, il-poplu Malti issa ilu kważi sena jistenna r-riforma tar-riforma.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina u il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar stqarrew li l-Gvern kien wiegħed it-twaqqif ta’ Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni, il-publikazzjoni ta’ regolamenti ġodda ta’ dan il-qasam u li jippreżenta fil-Parlament emendi għal-liġi li tirregola lill-periti. Minkejja dawn il-wegħdiet kollha, xejn minn dan ma mmaterjalizza, anzi għadu lanqas ħadem sabiex jipprovdi biżżejjed riżorsi lill-awtoritajiet diġa eżistenti. Riżorsi umani, materjali u finanzjarji huma meħtieġa sabiex isir l-infurzar tar-regolamenti f’siti ta’ kostruzzjoni, u b’hekk nipprovdu aktar serħan il-moħħ għal kull min jgħix maġenb sit ta’ kostruzzjoni.

Min-naħa l-oħra, l-Partit Nazzjonalista jinsab impenjat li jibqa’ jwassal l-aqwa rakkomandazzjonijiet u proposti għas-settur tal-kostruzzjoni u se jkompli jinsisti li l-proposti leġislattivi u miżuri sabiex jissaħħaħ l-infurzar biex jinqata’ l-abbuż jiddaħħlu minnufih.