Lokali

Il-UHM tista’ tordna azzjonijiet industrijali

Nistgħu nordnaw azzjonijiet industrijali. Tenna dan il-Kap Ezekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers Josef Vella meta mistoqsi minn NET News dwar x’qed jistenna mil-laqgħa tal-Ħamis bejn l-MCESD u l-PM Robert Abela.

Hu qal li l-Union se terġa’ tisħaq biex il-PM ma jwebbisx rasu u jwaqqaf l-attivitajiet tal-massa li wasslu għal żieda fil-każi ġodda ta’ Coronavirus.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, il-UĦM Voice of The Workers kitbet lil Abela, fejn talbet laqgħa miegħu biex jiddiskutu s-sitwazzjoni preżenti. Iżda, minflok, il-laqgħa saret mad-Deputat PM u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne.  Josef Vella qal li filwaqt li l-laqgħa kienet waħda kordjali, il-partijiet ma waslux għax il-Gvern għadu mhux lest jaqbad il-barri minn qrunu u jwaqqaf l-attivitajiet tal-massa.

Dwar l-Avviż Legali maħruġ waranofsinhar mill-Gvern, li jimponi multa ta’ €3,000 fuq min jikser ir-rakkomandazzjonijiet tas-Saħħa, il-Kap Eżekuttiv tal-UĦM Voice of the Workers qal li din mhix se taħdem. Semma’ bħala eżempju l-multi li timponi l-Awtorità tal-Ippjanar fuq żviluppaturi li jonqsu milli jipprovdu parkeġġ li ntilef mill-proġett. Hu qal li bħalma jagħmlu l-iżviluppaturi, l-organizzaturi jgħaddu l-ispiża tal-multa lill-klijenti u l-kumplament tas-soċjetà jkollha tiffaċċja l-konsegwenzi.

Pajjiżna ra żieda qawwija ta’ każi ta’ Coronavirus, hekk kif fi ftit aktar minn ġimgħatejn, in-numru ta’ każi attivi sparaw minn erba’ każi għal kważi 250 każ.