Lokali

“Iż-żieda fil-każi huma parzjalment kaġun tad-deċiżjonijiet li ttieħdu” – MEA

Il-Korpi Kostitwiti jinsabu mħassba ferm wara li l-Gżejjer Maltin għal darb’oħra qed jafrontaw żieda qawwija f’każi pożittivi ta’ Covid-19….u 28 każ sporadiku fl-aħħar erbat’ijiem biss.

Bosta esperti mediċi u sidien ta’ negozji qed jisħqu li pajjiżna mar pass oltrè milli kien imissu fit-tranżizzjoni b’rabta mal-ħruġ mill-imxija tal-pandemija – fejn spjegaw li filwaqt li Malta kienet qed toħroġ mill-kriżi kemm ta’ saħħa kif ukoll ekonomika – sforz deċiżjonijiet mgħaġġla li ħa l-Gvern ta’ Robert Abela – il-virus reġa’ beda jgħolli rasu b’mod allarmanti.

24 siegħa qabel il-laqgħa tal-MCESD li sejjaħ il-Prim Ministru Abela fl-isfond ta’ dan il-għawġ li Malta qiegħda għal darb’oħra terġa tħabbat wiċċha magħha – Net News tkellem mad-Direttur Ġenerali tal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem Joe Farrugia fejn saħaq li kontra kull parir li qed jingħata, kemm mill-medici, kif ukoll mill-imsieħba soċjali u mill-pubbliku ġenerali – il-Gvern Laburista qed jippermetti li l-virus ikompli jinxtered għad-detriment tal-poplu.

Joe Farrugia insista li ż-żieda fil-każijiet li qed jirreġistra pajjiżna huma kkaġunati minn deċiżjonijiet ħżiena li ttieħdu fl-aħħar ġimgħat. Dan kollu, kompla d-Direttur Ġenerali tal-MEA, b’effett qawwi fuq il-haddiem.

Huwa spjega li l-Prim Ministru Robert Abela għandu jieħu eżempju mill-buonsens ta’ ċertu organizzaturi li ġabu saħħet il-poplu qabel l-interessi tagħhom.

Joe Farrugia saħaq li s-saħħa taċ-ċittadin qatt m’għandha tiġi mgħaksa mill-ekonomija u viċi versa, u għaldaqstant importanti li jinstab bilanċ.