Internazzjonali

Jiżdied in-numru tal-vittmi tal-isplużjoni f’Beirut

Telgħu għal tal-anqas 100 il-mejta u aktar minn 4,000 il-midruba mill-isplużjoni li seħħet ilbieraħ filgħaxija f’Beirut, bil-President tal-pajjiż jiddikkjara llum l-Erbgħa bħala jum ta’ luttu Nazzjonali għall-poplu Lebaniż.

Dan hekk kif dalgħodu l-Libanu stenbaħ fl-istraġi u d-devastazzjoni li ħalliet warjha l-isplużjoni qawwija li ħasdet il-port ta’ Beirut ftit tas-sigħat ilu.

L-isplużjoni li seħħet għall-ħabta tas-6.00pm heżżhet iż-żona tal-port tal-belt, u n-numru tal-vittmi hu mistenni li jkompli jikber hekk kif il-ħidma tas-salvataġġ għadha għaddejja.

Il-President Michel Aoun qal li l-isplużjoni kienet ikkawżata minn ħażna illegali ta’ 2,750 tunnellata ammonium nitrate f’maħżen fil-belt. Hu qal li dan kien ilu maħżun fl-istess post għal sitt snin.

Filwaqt li l-ħaddiema tas-salvataġġ għandhom għadma iebsa biex ifittxu u jagħtu l-għajnuna medika lill-vittmi, il-kap tas-Salib l-Aħmar fil-Libanu, George Kettani iddeskriva l-inċident bħala katastrofi enormi u qal li hemm mejta u midruba kull fejn tħares.

L-isplużjoni li nqabdet minn diversi persuni fuq videos u li xxandru fuq diversi siti seħħet f’żewġ splużjonijiet separati, bit-tieni splużjoni tkaxkar kull ma kellha madwarha, u b’bini jispicca bla ħitan u bla soqfa.

Qabel ma seħħet din it-traġedja, il-Libanu diġa’ kien qed jaffaċja problemi kbar, fosthom  kriżi politika u ekonomika u kriżi medika hekk kif il-pandemija għadha qed tinfirex sew fil-pajjiż. Issa dan l-aħħar inċident kompla żied il-problemi għall-President Aoun li minn naħa tiegħu ħabbar li se jkun qed joħroġ mas-66 miljun dollaru Amerikan bħala fond ta’ Emerġenza.