Lokali

L-ALPA tappella lill-Gvern sabiex jonora l-obbligi li għandu

L-Assoċjazzjoni tal-Bdoti (ALPA) rreġistrat protest ġudizzjarju fil-Prim Awla tal-Qorti u żammet lill-Gvern respnsabbli għall-azzjonijiet tiegħu u tal-kumpanija tiegħu Malta Air Travel li qed topera taħt l-isem Malta Med Air.

Dan wara li l-kumpanija impjegat nies b’kundizzjonijiet prekarja lil membri tal-assoċjazzjoni li dan l-aħħar tkeċċew mill-kumpanija nazzjonali li hija 99.9% propjeta tal-Gvern.

Dawn l-ingaġġi qed isiru minn Brookfield Aviation Limited, kumpanija rreġistrata fir-Renju Unit, minkejja li l-impjieg huwa meħtiep minn kumpanija Maltija.

Il-bdoti li tkeċċew mill-Air Malta qed ikunu offruti xogħol bħala self-employed għal perjodu ta’ sitt xhur.

Il-European Cockpit Association ukoll esprimiet it-tħassib tagħha dwar l-illegalitajiet ta’ arranġamenti simili u appella lill-Gvern Malti biex jieqaf milli jieħu din it-tip ta’ direzzjoni.

L-ALPA talbet lill-Gvern jonora l-obbligazzjonijiet kontrattwali tiegħu li jipprovdi lill-membri tal-assoċjazzjoni b’xogħol Malta skont il-ftehim kollettiv eżistenti.