Lokali Qorti

Libjan li kien iġġieled b’xabla tas-Samurai f’Paceville jispiċċa l-ħabs

Libjan fuq li kien jinsab barra fuq pleġġ wara li kien ingħata ħelsien mill-arrest fuq attakk b’xabla ta’ samurai f’Paceville fil-konfront ta’ bouncers fl-2016 u li weġġa’ gravi raġel ieħor fi ġlieda oħra f’Lulju tal-2018 intbagħat erba’ xhur ħabs talli kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest tiegħu.

Ibrahim ben Jeddi ta’ 38 sena, tressaq quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo akkużat li naqas milli jirrispetta żewġ kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest.

Ben Jeddi, li m’għandux indirizz fiss f’Malta kien tqiegħed fil-lista tal-Pulizija minħabba li kien jinsab maħrub, u għalhekk naqas milli jiffirma lf’Għassa tal-Pulizija minn Novembru li għadda.

Kontra kull mistenni huwa ppreżenta ruħu fil-kwartieri tal-Pulizija fil-Furjana nhar it-Tlieta. L-Ispettur Mark Mercieca li ressaq lil Libjan talab li tiġi kkonfiskata s-somma ta’ €27,000 bħala garanzija personali li r-raġel kellu biex jingħata l-libertà proviżorja flimkien ma’ €8,000 li huwa kien ħalla fir-reġistru tal-Qorti.

Ben Jeddi kien sar magħruf f’pajjiżna fl-2016 meta hu u raġel ieħor allegatament attakkaw żewġ bouncers Maltin f’Paceville b’xabla tas-Samurai.

Waqt li ngħata l-ħelsien mill-arrest għal dak ir-reat, huwa allegatament weġġa’ gravi wkoll raġel Żvediż u weġġa’ ħafif persuna oħra wara li kisser il-bieb tar-resdienza tagħhom waqt attakk f’Tas-Sliema, sentejn wara.

Assistit minn traduttur u avukat tal-għajnuna legali Josette Sultana, l-akkużat wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. L-Avukat Josette Sultana qalet lill-qorti li l-akkużat ma kellu joqgħod imkien u li kien spiċċa jgħix fit-toroq, u talab lill-Qorti biex din tikkunsidraha.

L-Ispettur Mercieca kkonfemra li l-akkużat ma kellux flus u ma riedx jiffirma l-ktieb tal-ħelsien mill-arrest tiegħu. Huwa talab biex jingħata sentenza ta’ ħabs.  L-Avukat Sultana talbet għal kastig qrib il-minimu.

L-akkużat wieġeb ħati meta ngħata l-ħin biex jikkunsidra mill-ġdid. Il-Qorti wissiet li huwa qed jiffaċċja bejn erba’ xhur u sentejn snin ħabs biss għall-ksur tal-ħelsien mill-arrest, u li l-garanzija persinali tiegħu ta’ €27,000 kienet se tiġi kkonfiskata.

Jekk hu ma jħallasx dan l-ammont, dawn jiġu kkonvertiti għal sentejn ħabs oħra.   Iktar ħin ingħata lir-raġel biex jikkunsidra mill-ġdid. Il-Qorti mbagħad talbitu mill-ġdid dak li kien qiegħed jikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Ben Jeddi kkonferma l-ammissjoni tiegħu stess u ntbagħat il-ħabs għal erba’ xhur .