L-Għaqda Pensjonanti tal-General Workers’ Union titlob azzjoni immedjata sabiex il-pubbliku inġenerali, l-aktar l-anzjani u dawk vulnerabbli ma jibqgħux ibatu fil-kjuwijiet speċjalment fil-Polikliniċi, Fergħat tal-Posta u Fergħat tal-Banek f’dawn il-ġranet ta’ temperaturi għoljin li qegħdin ikunu ta’ tbatija kbira għalihom.
Fi stqarrija, l-għaqda qalet li hemm diversi miżuri li għandhom jittieħdu immedjatament mill-awtoritajiet biex titnaqqas din it-tbatija fosthom ftuħ tal-fergħat aktar kmieni jew aktar tard, użu tal-Kunsilli Lokali, u appuntamenti jsiru f’ħin speċifiku biex l-anzjani ma jdumux jistennew biex jinqdew.
L-Għaqda qed titlob ukoll li ssir kampanja ta’ edukazzjoni biex aktar anzjani jitgħallmu jużaw aktar il-faċilitajiet bankarji permezz ta’ mezzi elettroniċi.
Issuġġeriet ukoll li għal dawn il-persuni jtawwal iż-żmien meta l-vouchers jistgħu jissarrfu. Dawn huma diversi inizjattivi li l-Għaqda Pensjonanti tal-GWU, tappella lill-awtoritajiet li għandhom jibdew jiġu segwiti b’mod urġenti biex titnaqqas it-tbatija għal dawn in-nies.
//= $special ?>