Coronavirus Lokali Saħħa

Ordnati direttivi ankè għall-infermiera

Il-Gvern ta’ Robert Abela mhux lest jikkommetti ruħu sabiex jissospendi l-attivitajiet tal-massa. Dan saħqitu l-Unjin tal-Infermiera u l-Qwiebel fejn ġie spjegat li l-MUMN tinsab konvinta li jekk verament il-Gvern Laburista jrid jagħmel infurzar fuq tali attivitajiet, għandu jikkanċellahom immedjatament, l-għaliex ġie spjegat li distanzi soċjali f’tali avvenimenti ma jistgħux jinżammu.

L-MUMN stqarret li jekk il-Gżejjer Maltin jiqbgħu jirreġistraw każijiet ġodda bħal tal-aħħar jiem, tul is-sebat’ijiem li ġejjin – ser inkunu dħalna uffiċjalment fit-tieni mewġa u għaldaqstant il-poplu Malti u Għawdxi jkun qiegħed jirriskja lockdown parzjali simili għal dak ta’ Marzu.

L-Unjin spjegat li l-Gvern, b’mod partikolari l-Ministeru għas-Saħħa għad iridu jippreżentaw soluzzjoni għal pożizzjoni delikata li tpoġġew fiha l-frontliners kawża ta’ numru ta’ deċizjonijiet ħżiena li ttieħdu.

Għaldaqstant, minn nhar il-Ġimgħa, 7 ta’ Awwisu l-MUMN qed tordna direttivi għall-infermiera u qwiebel li jaħdmu fl-Isptarijiet Maltin. 

Fost oħrajn huma ordnati sabiex ma jaħslux lil pazjenti kif ukolll m’għandhomx iqandluhom minn fuq is-sodda u ma jakkumpanjawx il-pazjenti għat-teħid tal-x-rays u teatri tal-operazzjonijiet. Dan fost direttivi oħra li ingħataw ukoll lill-fiżjoterapisti.

Dan filwaqt li minn nhar il-Ġimgħa wkoll – dawk il-ħaddiema tas-saħħa li kienu qed jitqiesu bħala vulnerabbli mis-Sovrintendenza tas-Saħħa jew nkella li preżentament huma tqal għandhom jitolbu lil ta fuqhom sabiex jevitaw kuntatt mal-pazjenti ġaladarba jaħsbu li l-post tax-xogħol huwa ta’ riskju fuq saħħithom. L-MUMN insistiet li ġaladarba ma jingħatawx placement adegwat għandhom jaħdmu mid-dar permezz ta’ telework bħal ħaddiema taċ-ċivil.