Sport Sport Ieħor

Paola BC jirbħu l-Kampjonat tal-Mixed Teams

(Ritratt: cngfotography)

Paola BC rebħu l-Kampjonat tal-Mixed Teams – Powered by VICTOR  ta’ dan l-istaġun. Huma rebħu dan il-kampjonat mingħajr ma sofrew telfa fejn rnexxielhom jirbħu s-sitt logħbiet kollha. Dan kien it-tlettax il-kampjonat fl-istorja tal-klabb u l-ħames wieħed konsekuttiv.

Paola kellhom kompetizzjoni ħarxa għal dan il-kampjonat minn Luxol BC u Birkirkara BC Polidano Press Ltd. Dan il-kampjonat kien wieħed partikolari minħabba l-pandemija tal-coronavirus fejn ġie pospost għal xi xhur b’konsegwenza li nħolqot pressjoni fiżika u psikoloġika fuq il-plejers. Min naħa tagħhom il-plejers xorta waħda taw dak li setgħu u offrew spettaklu ta’ logħob għal dawk li kienu preżenti bir-rivalità bejn il-klabbs tkun ta’ motivazzjoni għall-istess plejers.

Badminton Malta issa bdiet il-preparazzjonijiet tagħha għall-istaġun il-ġdid fejn tittama li toffri staġun interessanti b’kompetizzjonijiet u plejers ta’ livell. Badminton Malta ferħet lil Paola BC kif ukoll lit-timijiet kollha li pparteċipaw għal kompetizzjoni sabiħa li offrew lil entużjasti lokali tal-Badminton.