Lokali

Raġel iweġġa gravi wara li waqa’ f’xaft

Ambulanza - Ritratt mill-arkivji

Raġel minn Birżebbuġia sofra ġrieħi wara li waqa’ f’xaft ta’ residenza li kien fiha.

L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija, u għall-ħabta tas-6.05pm l-Pulizija tad-Distrett intalbu jmorru fir-residenza fi Triq il-Vitorja, l-Isla fejn hemm sabu r-raġel ta’ 52 sena imweġġa’.

Mill-ewwel investigazzjonijiet deher li r-raġel kien qed jagħmel xi xogħol fil-post meta waqa’ għal isfel.

Il-membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili ġew imsejħa fil-post sabiex jassistu lir-raġel, u ambulanza ħaditu l-isptar Mater Dei għall-aktar kura meħtieġa. Aktar tard huwa ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.