Lokali Qorti

Sajjied jammetti l-involviment tiegħu fit-traffikar tad-droga

Sajjied minn Marsaxlokk ammetta quddiem il-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo l-involviment tiegħu fit-traffikar ta’ kokaina u kannabis. Rosmar Bugeja, twaqqaf mill-Pulizija nhar it-Tlieta li għaddew għall-ħabta tat-8.30pm. fil-Fgura.

Il-Pulizija waqqfu lil Bugeja wara li kienu ilhom isegwuh, b’informazzjoni li kellhom li s-sewwieq kien fil-pussess ta’ droga, allegatament biex din tiġi traffikata.

Malli ċċirkondawha, il-Pulizija arrestat lil Bugeja, u minn tfittxija fil-karozza tiegħu nstabu aktar minn 20 qartas b’sustanzi allegatament kokaina u cannabis, kif ukoll €250 fi flus kontanti bl–imputat jammetti li dawn ġew mill-bejgħ tad-droga.

Id-droga kienet impoġġija f’kontenitur u tliet kartieri, li fihom kien hemm ukoll il-flus. Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca qal li Bugeja ikkopera mal-Pulizija u li l-ammont ma kienx wieħed kbir ħafna.

Wara li Bugeja ammetta, l-Qorti wissietu li l-piena għal dan ir-reat hija ta’ sitt xhur fil-minimu u massimu ta’ 10 snin, anke jekk f’dan il-każ il-massimu ma japplikax. Minn naħa l-Avukat Josette Sultana li deheret għall-imputat qalet li trid tittieħed kunsiderezzjoni tal-fatt li l-klijent tagħha kkopera mal-Pulizija.

Il-Qorti ħalliet il-kawża għal 14 ta’ Settembru biex skont l-Artiklu 8 tal-Liġijiet ta’ Malta, Bord għal tal-apposta jara u jevalwa jekk Bugeja għandu problema tad-droga u minn hemm tiġi stabbilita s-sentenza finali.

Sadanittant Bugeja ngħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €400 u garanzija personali ta’ €7,000 u li jiffirma tliet darbiet fil-ġimgħa fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa.

Sadanittant, peress li waqt li kienet qiegħda it-tfittxija fuq Bugeja, il-Pulizija nnutaw li fl-istess triq, kien hemm karozza, b’żewġt irġiel fiha li dehru qegħdin jaġixxu b’mod suspettuż, dawn ġew ukoll arrestati.

Il-Pulizija mill-ewwel kienu avviċinawhom, u wara li saret tfittxija fil-karozza tagħhom, fuqhom instabu wkoll diversi pakketti, allegatament droga cannabis. Iż-żewġt irġiel, wieħed ta’ 19-il sena u l-ieħor ta’ 21 sena, ġew arrestati u mistennija wkoll jitressqu l-Qorti fil-jiem li ġejjin.

Bħalissa dawn qegħdin jinżammu fil-lock-up tal-Pulizija fil-Furjana u aktar investigazzjonijiet dwar dan il-każ għadhom għaddejjin, anke biex isir magħruf jekk dawn il-każijiet humiex relatati.