Lokali

SEGWI: Provinċjal Malti f’Bejrut xhieda tat-traġedja fil-Libanu

It-Tlieta, 4 ta’ Awwissu, il-Belt Kapitali tal-Libanu Bejrut, esperjenzat waħda mill-agħar traġedji li ħadd qatt ma setgħa basar. Splużjoni enormi fil-Port tal-Kapitali ħasad lil kulħadd quddiem għajnejn iċ-ċittadini u l-għajn tal-bqija tad-dinja bil-filmati jduru f’ħakka t’għajn fuq il-midja soċjali.

Kilometru bogħod, fil-ħdax-il sular kien hemm il-Provinċjal tal-Ġiżwiti fil-Lvant Qarib u l-Provinċja tal-Magreb, Fr. Michael Zammit Mangion li 24 siegħa wara din it-traġedja stqarr li preżentament ix-xena f’Bejrut hija waħda surreali.

Huwa rrakkonta kif sema’ l-ewwel splużjoni u ftit tal-ħin wara seħħet l-isplużjoni li kinset dak kollu li kien hemm fiż-żona. Huwa saħaq li kien jinsab f’kamra tagħti għan-naħa tal-port u l-isplużjoni l-kbira heżżet kollox bil-ħġieġ kollu jtir ‘il ġewwa.

Fr. Michael Zammit Mangion sostna li ilu jgħix fil-Libanu mill-1987 u għex diversi diżgrazzji u gwerer, iżda insista li qatt f’ħajtu ma xehed splużjoni bħal dik tat-Tlieta waranofsinhar, splużjoni li għamlet ħsara mal-4 kilometri ‘il bogħod mill-port…splużjoni li ddeskriva bħala waħda li ġiegħlet lill-pajjiż sħiħ u mhux biss jieqaf b’ħasda waħda.

Huwa saħaq li ċ-ċittadini jinsabu f’disperazzjoni sħiħa, fejn irrakkonta li filwaqt li fir-residenza tiegħu nkissur t-twieqi tal-ħġieġ u saħansitra l-bibien ta’ ġewwa, dawk il-persuni li jogħodu aktar qrib il-port spiċċaw mingħajr saqaf fuq rashom.

Huwa spjega li preżentament l-isptarijiet Lebaniżi mhux qed ilaħqu mal-influss qawwi ta’ persuni li kellhom bżonn il-kura fejn hemm madwar 4,000 persuna midruba. Dan fid-dawl li ankè żewġ sptarijiet kellhom jagħlqu minħabba d-dannu kbir li sofrew kawża tal-isplużjoni.

Fr. Michael Zammit Mangion sostna li preżentament it-tfittxija għal mitlufa għadha għaddejja – b’il fuq minn 100 persuna nieqsa filwaqt li ġew ikkonfermati mal-100 fatalità oħra.

Huwa saħaq li ċertament mingħajr l-għajnuna internazzjonali l-Libanu u b’mod speċjali Bejrut mhux ser tkun tista’ tqum fuq saqajha wara din it-traġedja. Dan ankè fid-dawl li tul l-aħħar sena, il-Libanu kien għaddej mill-akbar kriżi ekonomika fl-istorja tal-pajjiż, bil-banek ma jagħtux il-flus li jinsabu fil-kontijiet tan-nies, bir-rata tal-qgħad tlaħħaq il-50% u bil-pandemija tal-Covid-19 tifrex rasha b’mod qawwi.

Fr. Michael Zammit Mangion insista li din it-traġedja verament ma setgħetx ġiet fi żmien agħar minn hekk.