Sport Sport Ieħor

Wirja kollettiva tippremja lil Birżebbuġa b’post fil-Kampjonat Premier

(Ritratt: Martin Agius)

Stewart Said

Birżebbuġa Freeport aċċertaw posthom fil-Kampjonat Premier, riżultat meritat għall-isforz li sar biex fl-aħħar snin urew titjib wara li l-klabb reġa’ beda jikkompeti fl-2017. Mertu kbir għal din ir-rebħa imur għal Pierre Borg, il-kowċ li prepara lit-tim tattikament tajjeb. Birżebbuġa ħadu vantaġġ diversi mill-kontrattakki li bdew joħolqu u li wasslu biex Sirens kellhom jiġru wara r-riżultat. Spikkaw ukoll il-veterani David Cutajar u David Pace Lupi li kienu fundamentali fl-ilma biex mexxew lit-tim filwaqt li sabu x-xibka f’mumenti kruċjali.

Għal Sirens Mecca Marin din kienet l-ewwel telfa f’dan l-istaġun. In-nuqqas ta’ konċentrazzjoni fl-ewwel żewġ sessjonijiet kienu determinanti, għalkemm il-lasta wkoll lagħbet il-parti tagħha. Kruċjali kien il-vantaġġ ta’ 3-1 li Birżebbuġa kisbu fl-ewwel sessjoni li għamel id-differenza, b’żewġ gowls minnhom jaslu minn kontrattakk. B’distakk ta’ 5-3 fil-bidu tat-tielet sessjoni, Matthias Azzopardi u Ken Erdogan naqqsu d-distakk wara li Julian Farrugia kien kabbar il-vantaġġ għal tliet gowls.

Birżebbuġa marru 8-5 minn fuq fl-aħħar sessjoni iżda fi ftit sekondi Mikhael Cutajar u Matthew Sciberras naqqsu d-distakk għal gowl b’żewġ minuti għat-tmiem. Iżda gowl mill-isbaħ ta’ Pace Lupi kien biżżejjed, bil-gowl ta’ Isaiah Riolo ma jkunx biżżejjed għal Sirens.

Neptunes baqgħu b’punti massimi fi Grupp A meta kif mistenni għelbu lil Marsaxlokk Brown’s 16-5. Bil-konferma ta’ Birżebbuġa aktar qabel, Marsaxlokk se jirritornaw fl-Ewwel Diviżjoni. Iċ-champions għamlu ċert mir-rebħa sa nofs il-logħba meta rebħu ż-żewġ sessjonijiet bi skor identiku. Tripletta għal Stevie Camilleri, doppjetti għal Jake Muscat u Nikolai Zammit, b’Jordan Camilleri jiskorja l-ewwel gowl tal-istaġun wara li tilef xi logħbiet minħabba li kien imweġġa’. Fiż-żewġ sessjonijiet ta’ wara, Neptunes baqgħu fil-kmand, b’Jovan Popovic iħalli skwadra b’saħħitha għal ħafna mil-logħba.

U fl-ewwel logħba tal-ġurnata, San Ġiljan TUM Invest kellhom sessjoni ta’ taħriġ. Il-ħtija mhix ta’ Otters Nivea li pruvaw li setgħu imma d-differenza mal-avversarji kienet kbira wisq. Fortunatament dawn il-logħbiet fil-fażi preliminari waslu lejn tmiemhom.

It-tim ta’ Dorian Pisani ftit ħafer lit-tim Għawdxi b’sensiela ta’ gowls konsekuttivi mill-bidu sal-aħħar. Huma żammew l-istess ritmu anki meta daħlu l-aktar plejers żgħażagħ fit-tim. Protagonisti assoluti Matthew Zammit u Ben Plumpton li bejniethom skorjaw 14-il gowl fi tliet sessjonijiet. Fl-aħħar sessjoni sodisfazzjon għal Pisani hekk kif sabu x-xibka ż-żgħażagħ Zach Micallef, Dean Ciantar, Keith Tanti, Jake Bonavia u Kelvin Magri.

SAN ĠILJAN TUM INVEST…….. 26

OTTERS NIVEA……………………….. 6

(7-1), (5-2), (8-1), (6-2)

San Ġiljan: J. Tanti, K. Tanti (2), A. Galea (2), D. Ciantar (1), M. Mannino (1), M. Zammit (8), B. Plumpton (6), J. Bonavia (1), Z. Micallef (1), Da. Zammit, P. Fava, Di. Zammit (1), G. Vassallo, M. Ortoleva (2), K. Magri (1)

Otters: M. Xerri, M. Lanzon, R. Caruana (2), I. Azzopardi, E. Meli (1), M. Farrugia, K. Scicluna, G. Vella, D. Dimech, D. Zahra, D. Tully (1), S. Xerri, D. Spiteri, M. Caruana Baluci (1), C. Spiteri Debarro (1)

Referees: Richard Magri, Giuliana Nicolosi

BIRŻEBBUĠA FREEPORT…….. 9

SIRENS MECCA MARIN………… 8

(3-1), (2-2), (1-2), (3-3)

Birżebbuġa: M. Rossi, J. Farrugia (2), N. Cassar, D. Pace Lupi (3), C. Mifsud, P. Serracino, S. Vassallo, D. Cutajar (3), M. Bonnici (1), M. Curmi, R. Spiteri, S. Fava, M. Sladden, B. Grech, Z. Bartolo

Sirens: J. Parnis, J. Ciantar, K. Erdogan (2), G. Melillo, J. Zerafa Gregory, T. Said, L. Falzon, I. Riolo (1), J. Napier, M. Cutajar (1), M. Sciberras (3), M. Azzopardi (1), O. Gauci, G. Farrugia, G. Sammut

Referees: Peter Balzan, Stefano Pinato

NEPTUNES………………………….. 16

MARSAXLOKK BROWN’S….. 5

(4-1), (4-1), (5-2), (3-1)

Neptunes: A. Borg Cole, J. Muscat (3), L. Calleja, G. Pace, S. Busuttil (1), J. Spiteri Staines, S. Camilleri (6), J. Camilleri (2), J. Abela, N. Zammit (4), A. Fenech, S. Stellini, B. Busuttil, M. Castillo, M. Farrugia

Marsaxlokk: R. Coleiro, J. Rizzo Naudi, M. Martellacci (1), L. Saliba (2), T. Agius, B. Lanzon, J. Galea, K. Cremona, S. Micallef (1), R. Scerri (1), M. Cacici, O. Zammit, F. Buhagiar, J. Portelli

Referees: Giuliana Nicolosi, Neville Mercieca