Coronavirus Edukazzjoni Għawdex Lokali Saħħa

“Bżonn ta’ soluzzjonijiet li jissalvagwardjaw is-saħħa tal-istudenti” – GUG

Minħabba l-pandemija tal-COVID-19, l-istudenti ffaċċjaw problema waħda wara l-oħra, bħal lectures imħassra, sistema ġdida ta’ lezzjonijiet, eżamijiet onlajn u ċerimonji ta’ gradwazzjoni li kienu kkanċellati.

Fi stqarrija, l-Għaqda Universitarja Għawdxija (GUG) qalet li l-inċertezza dwar il-ftuħ tal-iskejjek f’Settembru li ġej qed toħloq problemi serji għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta. Dan għaliex ma jistgħux jippjanaw minn qabel fir-rigward li jfittxu akkomodazzjoni għas-sena skolastika li ġejja. 

Ħafna studenti diġà ħallsu depożiti fuq ftehim ta’ kiri, u xi sidien qed jinsistu wkoll li jekk l-istituzzjonijiet edukattivi ma jinfetħux, il-kera xorta tkun dovuta. Min-naħa l-oħra, minħabba l-inċertezza preżenti, hemm studenti oħra li joqogħdu lura milli jfittxu akkomodazzjoni. Dan joħloq problemi futuri għall-istudenti biex isibu appartament fl-aħħar minuta u bi prezz ġust.

Fost l-istudenti hemm ukoll dawk li huma vulnerabbli, u għalhekk jekk se jattendu lezzjonijiet dawn se jkollhom jużaw it-trasport pubbliku bil-konsegwenza li jkunu mqiegħda f’riskji ogħla. Din hija waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex il-GUG ippromwova l-idea tal-konferenzi onlajn. Il-GUG ressaq din l-idea ferm qabel iż-żieda ta’ każi ta’ COVID-19. 

Permezz ta’ stħarriġ li sar mill-organizzazzjoni, il-maġġoranza tal-istudenti jappoġġjaw b’mod ċar l-idea ta’ tagħlim u konferenza fuq l-internet, u tali mezzi jistgħu jbiegħdu d-distanza soċjali. Kulħadd għandu d-dritt għall-edukazzjoni, u jekk xi ħadd ikun limitat finanzjarjament, ġeografikament jew minħabba saħħa, għandhom jiġu mfittxija mezzi oħra għat-twettiq ta’ dan id-dritt.

GUG tixtieq tisħaq dwar l-importanza li jinstabu soluzzjonijiet li mhux biss jissalvagwardjaw is-saħħa tal-istudenti iżda wkoll jevitaw tfixkil fl-istudji futuri tagħhom.