Internazzjonali

COVID-19: Franza, Spanja u l-Greċja jirreġistraw żidiet inkwetanti fir-rati tal-infezzjonijiet

Franza, Spanja u l-Greċja, fl-aħħar sigħat, kienu fost il-pajjiżi tal-Ewropa li rreġistraw żidiet sinifikanti fil-każi ġodda tal-coronavirus (Covid-19). Dan fost l-inkwiet dwar  il-potenzjal ta’ tieni mewġa ta’ infezzjonijiet fid-diversi bnadi tal-kontinent waqt l-eqqel tal-btajjel tas-sajf.

L-awtoritajiet tas-saħħa fi Franza kkonfermaw mal-1,700 każ ġdid tal-Covid-19 f’perjodu ta’ 24 siegħa, b’dan ikun it-tieni l-akbar numru ta’ infezzjonijiet għal ġurnata waħda fil-pajjiż għal aktar minn xahrejn. S’issa, il-każi tal-Covid-19 fi Franza kienu qabżu l-229,000.

Fi Spanja kienu rappurtati 1,772 infezzjonijiet oħra f’perjodu ta’ 24 siegħa, bil-każi fuq bażi nazzjonali javviċinaw it-306,000.

Sadanittant, fil-Greċja, l-awtoritajiet tas-saħħa ikkonfermaw 124 każ ieħor tal-Covid-19 għal ġurnata waħda, bil-każi, issa, iqarrbu l-5,000 fuq bażi nazzjonali.

Kollox jindika li l-każi tal-Covid-19 qed jieħdu spinta ġdida madwar l-Ewropa mindu numru ta’ pajjiżi bdew inaqqsu r-restrizzjonijiet dovuti għal-lockdowns li ħallew impatt negattiv ferm għall-ekonomiji tal-kontinent.

U filwaqt li l-Gvernijiet qed jippruvaw jillimitaw l-impatt tal-ħsara ekonomika dovuta għall-pandemija, qed isir dejjem aktar diffiċli biex l-awtoritajiet jinfurzaw il-miżuri għall-ħarsien tad-distanzi soċjali bħala ‘arma effettiva’ kontra l-virus.

Il-każi tal-coronavirus – fuq livell globali – avviċinaw sew l-20 miljun, b’aktar min-nofshom ġejjin minn tliet pajjiżi: l-Istati Uniti, il-Brażil u l-Indja.

Dan meta numru ta’ pajjiżi, fosthom il-Brażil u l-Messiku, qed jiżvelaw inċidenza ‘akuta’ ta’ infezzjonijiet li baqgħu f’livelli għoljin u konsistenti minn jum għall-ieħor.

Il-Messiku –li, nhar l-Erbgħa rreġistra 829 mewta oħra mill-Covid-19 – issa mistenni li jgħaddi t-total ta’ 50,000 mewta (fil-pajjiż) relatati mal-infezzjoni qattiela. Intant, l-uffiċjali tas-saħħa lokali wissew li l-medja tal-infezzjonijiet bil-Covid-19 ikkalkulata għal kull ġimgħa qed tiżdied f’talanqas seba’ Stati Messikani.

L-infezzjonijiet bil-coronavirus huma l-akbar theddida ta’ dawn iż-żminijiet għall-pajjiżi tal-Amerika Latina u l-Asja – waqt li, mill-banda l-oħra, il-każi tal-Covid-19 jidhru li qegħdin jonqsu f’xi bnadi tal-kontinent tal-Afrika u tal-Lvant Nofsani.

L-Istati tal-Awstralja, intant, qegħdin jagħlqu l-fruntieri biex irażżnu l-firxa tal-Covid-19 – bl-awtoritajiet ta’ Queensland mhumiex jippermettu aċċess għal kważi r-residenti kollha ta’ Victoria.

L-istess direttiva għandha tkun implimentata għall-persuni li ġejjin minn Canberra u l-Istat ta’ New South Wales li ġie dikjarat hotspot tal-coronavirus. Il-Gvern fi New South Wales, intant, qed jimponi wkoll ir-restrizzjonijiet riġidi bħala parti minn kampanja intensiva għat-trażżin tal-infezzjonijiet.

Ir-restrizzjonijiet tal-lockdown għan-negozji mhumiex essenzjali bdew jirrankaw f’Melbourne – it-tieni l-akbar belt tal-Awstralja – bl-aħħar miżuri tas-sigurtà jirriżultaw f’‘toroq kważi diżabitati’ f’din il-belt ( il-kapitali ta’ Victoria) fejn jgħixu mal-ħames miljun persuni.