Internazzjonali

Covid-19: Il-Ġermanja tinsisti dwar it-testijiet għal kulmin jirritorna mill-pajjiżi tal-akbar sogru

Il-Ministeru tas-Saħħa fil-Ġermanja kkonfermat li n-nies li jirritornaw fil-pajjiż mill-Istati meqjusa bħala ‘high risk’ – jiġifieri fejn hemm theddida kbira mill-effetti tal-pandemija – ikunu suġġetti għal testijiet mediċi mal-wasla tagħhom.

Il-proċess tat-testijiet se jibda jkun implimentat bis-sħiħ mis-Sibt u se jevitawhom biss dawk in-nies li jipproduċu riżultat negattiv għal test li jkunu ħadu anqas minn jumjen qabel il-wasla fil-Ġermanja.

It-testijiet, li huma b’xejn, issa saru mandatorji wara li kienu ilhom il-jiem isiru fuq bażi volontarja għall-Ġermaniżi li qed jirritornaw pajjiżhom.

Ir-regoli tinkludi lin-nies ta’ kwalunkwe nazzjonalità li ġejjin mill-parti kbira tal-pajjiżi li mhumiex membri tal-Unjoni Ewropea (ħlief fil-każ tar-Renju Unit) kif ukoll minn partijiet ta’ Spanja u l-Lussemburgu.

Il-Ministru Ġermaniż għas-Saħħa, Jens Spahn, qal li filwaqt li japprezza li dan hu pass li jmur kontra l-kunċett tal-għażla libera għall-individwu, ‘din il-miżura trid titqies bħala ġustifikata fiċ-ċirkustanzi u fl-aħjar interessi tas-saħħa’.

Il-Ġermanja, din il-ġimgħa, irrappurtat 1,045 każ ġdid tal-coronavirus għal ġurnata waħda – biċ-ċifra tkun l-ewwel darba li l-każi ta’ infezzjoni qabżu l-1,000 fil-pajjiż għal tliet xhur.

Il-kapaċità sostanzjali għal testijiet b’xejn għall-coronavirus fil-Ġermanja titqies ukoll bħala ‘kuntrast’ mas-sistemi li qed ikunu applikati minn pajjiżi oħra fejn il-kapaċità għal testijiet hi limitata jew tiswa ħafna flus.