Coronavirus Ekonomija Lokali

AĠĠORNATA: Mhux magħruf jekk intlaħaqx ftehim

Chris Fearne preżenti għal-laqgħa f'Kastilja

Għall-ħabta tal-5:30pm f’Kastilja bdiet laqgħa importanti li intalbet mill-unions u l-Korpi Kostitwiti, fejn qed tintalab direzzjoni waħda mill-Gvern quddiem il-krizi l-gdida tal-pandemija f’pajjizna.

Jidher li din il-laqgħa baqgħet għaddejja tard matul il-lejl. Sigħat twal ta’ diskussjonijiet li minnhom għadu mhux magħruf intlaħaqx ftehim dwar x’miżuri se jieħu l-Gvern fid-dawl ta’ numri dejjem jikbru ta’ COVID-19 f’pajjiżna.

Fuq quddiem nett tad-diskussjonijiet hemm l-attivitajjiet tal-massa fejn il-biċċa l-kbira tal-unions qed jgħidu li dawn għandhom jieqfu minnufih. Fuq in-naħa l-oħra, Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu anke jekk uħud minn dawn il-unions huma ffurmati minn esperti fil-qasam tas-saħħa. Qed ikun diskuss ukoll il-mod kif infetaħ l-ajruport Malti hekk kif jidher li mhux kulħadd qed jaqbel li dan għandu jibqa’ miftħu għal kull pajjiż minn madwar id-dinja. Dan fid-dawl li Malta qed tiġi meqjusa minn diversi pajjiza bħala pajjiż mhux sigur.

Il-UHM Voice of the Worker hi wahda minn dawk il-unions li qed jitolbu lill-Gvern biex jimxi b’miżuri ċari u mhux b’semplici “suġġerimenti”. Il-UHM qed titlob li l-attivitajiet tal-massa jieqfu għaliex minflok ekonomija b’saħħitha, qed ikollna telf ikbar. Jekk dan ma jsirx, lesta wkoll tieħu azzjonijiet industrijali.

Fost dawk preżenti f’Kastilja għal-laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela hemm fost l-oħrajn il-Malta Chamber, il-General Workers’ Union, l-MHRA, il-MAM u anke l-MUMN li minn naħa tagħhom mhux jeskludu li jiħraxu l-azzjonijiet. L-istess l-Assoċjazzjoni tat-Tobba li mil-lum bdew b’diversi azzjonijiet li jistgħu jiħraxu jekk il-Gvern jibqa’ ma jbiddilx il-pożizzjoni tiegħu.

Għal-laqgħa hemm preżenti wkoll il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, il-Professur Charmaine Gauci kif ukoll il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna.

Fil-bidu ta’ din il-laqgħa, Robert Abela ddikjara li l-laqgħa se ddum kemm hemm bżonn basta jintlaħaq ftehim. Hu saħaq li jrid isib it-triq tan-nofs u ma jridx estrem jew ieħor. Dan deher messaġġ ċar lejn il-unions li jridu miżuri stretti fejn jidħlu attivitajiet tal-massa.