Internazzjonali

Ġappun: Imfakkar il-75 anniversarju tal-attakk fuq Hiroshima bil-bomba atomika

Eluf kbar ta’ Ġappuniżi fl-aħħar sigħat fakkru l-75 anniversarju ta’ meta l-belt ta’ Hiroshima spiċċat mira tal-ewwel attakk bil-bomba atomika fl-istorja u li kienet seħħet lejn l-aħħar tat-Tieni Gwerra Dinjija.  Dan fost id-daqq tal-qniepen u ċerimonji solenni biex ifakkru din il-ġrajja sewda ewlenija. Intant, l-avvenimenti kienu anqas minn tal-anniversarji preċedenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fis-6 ta’ Awwissu tal-1945, ajruplan (bomber) tal-Istati Uniti tefa’ il-bomba inkwistjoni fuq Hiroshima bir-riżultat li mietu mal-140,000 persuna.

Tlett ijiem wara, l-Istati Uniti waddbet bomba nukleari oħra fuq il-belt ta’ Nagasaki – bil-Ġappun iċedi, ġimgħatejn wara, f’pass li effettivament ikkonkluda t-Tieni Gwerra.

Il-Prim Ministru Ġappuniż, Shinzo Abe u s-Sindku ta’ Hiroshima, issa, issieħbu mal-anzjani li għexu minn dik l-esperjenza u l-qraba tal-‘vittmi tal-bomba’ fil-Park ta’ Hiroshima li hu dedikat għall-Paċi.

Għalkemm il-park, fis-snin ta’ qabel, kien ikun ippakkjat b’eluf ta’ nies għall-anniversarju, l-attendenza, din id-darba, kienet ferm anqas u fejn inħolqu l-ispazji apposta għal social distancing, bin-nies preżenti jridu jilbsu bil-fors il-maskra tal-wiċċ.