Lokali

Id-Dwana tikkonfiska eluf ta’ sigaretti tal-kuntrabandu

Waqt diversi spezzjonijiet li saru mit-Taqsima tal-Infurzar tad-Dwana fi ħwienet madwar Malta, bl-iskop li tissalvagwardja l-interessi fiskali tal-pajjiż kienu ikkonfiskati diversi affarijiet fosthom sigaretti u alkoħol.

L-ispezzjonijiet kienu ffukati l-aktar fuq ħwienet tal-merċa u supermarkets, bars u ristoranti, lukandi, wine bars u kafeterijiMadankollu, saru wkoll spezzjonijiet fuq ħwienet tas-souvenirs, ħwienet tal-ispirti u l-inbejjed, barbiera, pet shops u bejjiegħa tal-ħaxix. 

Minn dawn l-ispezzjonijiet, li saru fil-Mellieħa, ix-Xemxija, San Pawl il-Baħar, Buġibba, il-Qawra, Paceville, Marsascala, Birżebbuġa, il-Belt Valletta, l-imsida, Tal-Pieta’, ir-Rabat, Birkirkara, il-Marsa, Fleur de Lys u Ħal Far, instabu 25 każ li kienu qed jiksru l-liġi billi kienu qiegħdin ibiegħu prodotti tal-kuntrabandu jew prodotti pprojbiti. 

F’dawn il-25 każ, id-Dwana qabdet u kkonfiskat: 

  • 16,026 sigarett tal-kuntrabandu;
  • 530 flixkun xorb alkoħoliku (spirti);
  • 47 flixkun inbid;
  • 5 kilogrammi tabakk tax-xixa; u
  • 93 landa snus (chewing tobacco).

Dawn il-każi qed jiġu evalwati mill-Uffiċċju Legali tad-Dipartiment biex jittieħdu l-passi kollha neċessarji skont il-liġi.

Ikkummenta