Lokali

Il-Gvern daħaq bl-Għawdxin dwar il-fast ferry – PN

Il-Partit Nazzjonalista b’dispjaċir jinnota kif il-Gvern Laburista daħaq bl-Għawdxin dwar il-famuż proġett tal-fast ferry li suppost kellu jiġi introdott fuq ir-rotta bejn Għawdex u l-Belt Valletta. Wara tant diskors sabiħ mill-Gvern Laburista sa mill-2013, ilbieraħ il-Ministru responsabbli Ian Borg, ħabbar għall-għarrieda li issa l-proġett mhux se jseħħ u dan sempliċement għax il-Gvern jidher li reġa’ bdielu.

Fi stqarrija, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għal Għawdex u r-Riformi Kostituzzjonali Chris Said, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għat-Trasport u Mobbiltà, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Toni Bezzina, id-Deputat Whip Frederick Azzopardi u l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Artijiet, il-Kostruzzjoni u Ippjanar Sostenibbli Kevin Cutajar fakkru li l-fast ferry kienet wegħda maġġuri li l-Partit Laburista ripetutament għamel mal-Għawdxin u wara seba’ snin fil-Gvern baqa’ jkaxkar saqajh u ma wettaqiex, anzi l-Gvern Laburista u partikolarment il-kumpanija Gozo Channel li kellha l-proġett f’idejha, wrew inkompetenza kbira tant li saru żbalji ħoxnin fil-proċess tat-tendering, sakemm dan l-istess proċess saħansitra anke ġie mħassar mill-Qrati tagħna.

Bħal fil-każ ta’ ħafna proġetti oħrajn, il-Gvern Laburista rnexxielu jixħet fil-bir tas-skieken, il-fast ferry li hu proġett tant importanti għal Għawdex. Issa, l-Għawdxin bir-raġun qed isaqsu għaliex il-Gvern Laburista daħaq bihom fuq il-wegħda tal-fast ferry li tant seta’ ffaċilitalhom it-traġitt bejn il-gżejjer. Qed isaqsu wkoll min se jerfa’ r-responsabbilta’  għal ħin u r-riżorsi kollha li nħlew ta’ xejn fuq dan il-proġett. Fuq kollox qed isaqsu għaliex il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u d-deputati Laburisti Għawdxin l-oħra, Anton Refalo u Justyne Caruana baqgħu b’idejhom fuq żaqqhom  u m’għamlu xejn biex jaraw li l-Gvern  li huma parti  minnu jwettaq l-wegħda tiegħu tal-fast ferry għall-benefiċċju tal-Għawdxin.