Lokali

Il-Gvern Malti bi żjara fil-Libja

Kmieni dalgħodu, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin, Evarist Bartolo ħalla pajjiżna lejn il-Libja. Kollox kien qed jindika li l-Prim Ministru Robert Abela kellu jkun fuq din l-istess titjira iżda Abela baqa’ Malta, attenda attività filgħodu u kompla b’laqgħa relatata mal-Partit Laburista.

Sorsi qrib Kastilja ikkommfermaw li fuq l-aġenda kien hemm il-kriżi tal-immigrazzjoni irregolari, li matul l-aħħar jiem eskalat u ġabet magħha influss ta’ immigranti f’pajjiżna li fosthom kien hemm numru sostanzjali ta’ persuni li rriżultaw pożittiv għall-COVID-19. Jidher ċar illi l-Gvern jinsab taħt pressjoni kbira.

Din is-sitwazzjoni ġabet rabja għall-Gvern b’mod partikolari għal Prim Ministru kif ukoll għal Evarist Bartolo, b’eluf ta’ Maltin jsejħu għar-riżenja tiegħu.

Jidher ukoll illi t-Tlieta filgħodu, delegazzjoni Maltija niżlet il-Libja sabiex jinbdew il-preparamenti għal din iż-żjara.

Ritratt meħud f’lukanda ewlenija

Sorsi qrib Kastilja stqarru ma Net News li waqt il-laqgħa tal-Kabinett ta’ Tlieta filgħodu, Evarist Bartolo ħadha qatta’ bla ħabel mal-ministri għaliex skontu “hu biss qed jitkellem dwar l-immigrazzjoni irregolari”.

L-istess sorsi sostnew li d-deċiżjoni sabiex issir din iż-żjara ttieħdet sabiex il-Gvern jagħti x’jifhem li qed jirreagixxi għal kriżi li ġab l-influss tal-immigranti tal-aħħar jiem.

Dan l-istazzjon ikkomunika mal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin fejn saqsejna jekk tistax tingħata konferma jekk fuq it-titjira li ħalliet Malta għal-Libya, apparti d-delegazzjoni Maltija mmexxija mill-Ministru Evarist Bartolo, kienx hemm abbord persuni li ma jiffurmawx parti mid-delegazzjoni Maltija. Staqsejna min huma dawn it-terzi persuni u għaliex se jkunu fuq it-titjira. S’issa Net News għadu mingħajr risposta.

Rapporti fuq mezzi oħra saħqu li l-Ministru mar il-Libja abbord ajruplan tal-Gvern tat-Turkija. Bartolo kellu jasal lura f’Malta fit-3pm.