Knisja Lokali

L-Arċidjoċesi ta’ Malta qed tbassar €8 miljun f’telf fl-2020

L-Arċidjoċesi ta’ Malta sofriet minn daqqa ta’ ħarta finanzjarja kbira fl-eqqel ta’ din il-pandemija. U matul is-sena 2020 huwa mistenni bejn sitta u tmien miljun ewro f’telf.

Impatt qawwi fuq il-finanzi gej min-nuqqas ta’ donazzjonijiet lil diversi entitajiet, filwaqt li thassru diversi attivitajiet ta’ fundraising. Qed tinhass ukoll żieda fi bżonn ta’ finanzi meta ħaddiema ntalbu jingħalqu għal ġimgħat sħaħ fi djar tal-anzjani, fost bżonnijiet oħra addizzjonali relatati mal-COVID-19 biex kollox baqa’ miexi bl-aktar mod normali.

Surplus li rat is-sena 2019 flimkien ma’ flus li kienu mwarba fis-snin passati għamlu tajjeb għal dan iż-żmien biex b’hekk l-Arċidjoċesi ta’ Malta tkun tista’ tibqa’ miexja bl-aħjar mod possibli.

Fil-fatt, l-ebda ħaddiem ma ġie mkeċċi matul il-pandemija… anke dawk li kienu fuq probation. Għadd ta’ ħaddiema saħansitra żdiedu biex jimxu mal-istandards tas-saħħa matul dan iż-żmien.

Is-Segretarju Amministrattiv tal-Knisja, Michael Pace Ross sostna li jinsabu f’pożizzjoni diffiċli iżda bl-għaqal ta’ snin passati miexjin ‘il quddiem. Madanakollu, donazzjonijiet mill-pubbliku huma importanti hekk kif il-finanzi mhux ser iservu għal żmien twil. Wieħed jista’ jagħmel dan fuq https://knisja.mt/donazzjonijiet/.

Bhalissa l-Knisja ghaddejja b’27 proġett ta’ manutenzjoni u restawr.