Coronavirus Lokali Saħħa

L-EWWEL JUM TAD-DIRETTIVI: Il-Gvern jibqa’ jwebbes rasu

It-tobba josservaw id-direttivi fl-isptarijiet

Fi stqarrija l-Assoċjazzjoni Medika Maltija rrapportat li aktar minn 95% tal-membri segwew l-azzjoni industrijali li daħlu fis-seħħ mil-lum. L-unika attività li għaddejja fl-Isptar Mater Dei, hija dik li ġiet eżentata mid-direttivi, jiġifieri d-dipartiment tal-emerġenza, appuntamenti urġenti relatati ma’ trawma, appuntamanti ta’ wara l-operazzjoni u l-ostetrija. 

Fit-teatri tal-operazzjoni qed isiru biss operazzjoni relatata mal-kanċer u l-emerġenza. It-tobba kollha fiċ-ċentri tas-saħħa qed isegwu d-direttivi tal-MAM u qed jaraw biss pazjenti ta’ emerġenza. Bl-istess mod, it-tobba fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex kif ukoll fiċ-ċentri tas-saħħa qed isegwu d-direttivi tal-MAM.

Il-MAM qed tispera li l-Gvern jissospendi b’mod immedjat l-attivitajiet tal-massa biex b’hekk ikunu jistgħu jitwaqqfu dawn l-azzjonijiet industrijali.