Internazzjonali

Libanu: L-isplużjoni ta’ Bejrut tħalli r-residenti rrabjati waqt li qed jinsistu għat-tweġibiet

Ir-residenti ta’ Bejrut, il-kapitali Lebaniża, qegħdin jesprimu rabja kontinwa għall-Gvern ta’ pajjiżhom fost akkużi li l-awtoritajiet kienu ħatja dwar negliġenza li rriżultat fl-isplużjoni kbira tat-Tlieta li straxxnat iz-zona tal-port u nħawi residenzjali fejn ħalliet warajha xeni ‘simili għal tal-apokalissi’.

Il-President tal-Libanu, Michel Aoun, qal li l-isplużjoni kienet ikkaġunata minn 2,750 tunnellata tal-kimika ammonium nitrate li kienu stivati b’mod traskurat – u mingħajr rispett għall-kriterji tas-sigurtà – ġo maħżen. L-akkużi prinċipali kontra l-Gvern jinvolvu ‘korruzzjoni’, ‘traskuraġni’ u ‘tmexxija ħażina’.

Dan meta l-isplużjoni swiet il-ħajja ta’ mill-anqas 140 persuna – b’il fuq minn 5,000 jisfaw midruba. Intant, għaddejja tfittxija għal għexieren oħra ta’ nies li ma dehrux aktar wara l-isplużjoni, meta Bejrut jinsab taħt stat ta’ emerġenza li mistenni jdum ġimgħatejn.

Diversi residenti u uffiċjali ewlenin f’Bejrut qed isejħu biex issir ġustizzja  mal-persuni responsabbli mill-istraġi. Dan meta aktar nies qegħdin juru r-rabja ‘għall-inkompetenza tal-Gvern fuq livell kriminali’.

Il-Gvern Lebaniż ħabbar li numru ta’ uffiċjali tal-port ta’ Bejrut qed jinżammu taħt arrest fost investigazzjoni pendenti dwar ir-raġunijiet ‘eżatti’ wara l-isplużjoni. Intant, il-Kunsill tas-Difiża Suprem tal-Libanu insista li kulmin jinsab responsabbli dwar l-istraġi għandu jeħel ‘il-piena massima’.

L-Amnesty International u l-grupp Human Rights Watch sejħu biex issir investigazzjoni indipendenti dwar il-kaġun tal-isplużjoni. Kelliema għal Human Rights Watch qalu li ‘mhuma konvinti xejn mill-kapaċità tal-ġudikatura Lebaniża biex tmexxi waħedha investigazzjni kredibbli u trasparenti’.

Qed jingħad li l-kwantità ta’ ammonium nitrate – li tintuża bħala splussiv inkella fertilizzant għal proġetti agrikoli – kienet tħalliet għal sitt snin ġo maħżen tal-port ( f’Bejrut) wara li, fl-2013, tniżżlet minn bastiment  reġistrat il-Moldova u liema bastiment, maż-żmien, kien spiċċa abbandunat mis-sidien.

Il-kap tal-awtorità tal-port ta’ Bejrut u l-kap tal-awtorità doganali Lebaniża t-tnejn infurmaw lill-istampa lokali li kienu kitbu kemm-il darba lill-ġudikatura fejn talbuha biex il-kimika inkwistjoni tkun ‘esportata jew mibjugħa lil xi ħadd’ biex jaċċertaw livell ta’ sigurtà akbar fil-port.

Fl-aħħar sigħat, il-qawwiet tas-sigurtà f’Bejrut għalqu zona kbira madwar is-sit tal-isplużjoni, bl-iskwadri tas-salvataġġ  ikomplu jfittxu l-katavri tal-vittmi.

Il-Ministru tas-Saħħa Pubblika Lebaniż, Hamad Hassan, qal li s-settur tas-saħħa tal-Libanu hu nieqes mis-sodod u t-tagħmir neċessarju għat-trattament tal-midruba u ta’ pazjenti li spiċċaw f’kundizzjoni kritika.

L-isplużjoni tat-Tlieta ħalliet sa 300,000 persuna mingħajr dar, bl-awtoritajiet f’Bejrut isostnu li se jeħtieġu l-għajnuna minn barra ‘biex jerġgħu jibnu z-zona straxxnata mill-ġdid’ u meta l-kapaċità tal-Istat hi limitata ħafna.

Intant, aktar pajjiżi – fosthom Franza, ir-Renju Unit, ir-Russja, it-Turkija, l-Iran il-Qatar u diversi Stati oħra tal-Unjoni Ewropea — qed joffru l-għajuna umanitarja lil-Libanu f’dan iż-żmien diffiċli.