Lokali

Melvin Theuma jerġa’ jitkellem

Ġimgħatejn wara li allegatament prova jweġġa’ lilu nnifsu, il-middleman fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia qed jerġa’ jitkellem.

Dan żvelah il-ġurnal Times of Malta li kkwota sorsi qrib l-isptar.

Melvin Theuma, li kien iddaħħal l-isptar Mater Dei b’urġenza fil-21 ta’ Lulju bi ġrieħi serji, qed jitkellem bla għajnuna minkejja li l-vuċi tiegħu għadha mhux soda għal kollox.

Ix-xhud tal-istat fl-aħħar jiem kien rikoverat fis-Sala tal-ENT wara li kien ġie trasferit mit-Taqsima tal-Kura Intensiva fejn kien iddaħħal oriġinarjament, u issa mistenni jkun rilaxxat għal kollox mill-isptar fil-jiem li ġejjin.

Hu kien iddaħħal bi ġrieħi ta’ daqqiet ta’ sikkina f’żaqqu u fil-polz u daqqa f’għonqu li kienet caħħditu milli jitkellem għal diversi jiem.