Lokali

Min hu eliġibbli biex jivvota f’elezzjoni għal Kap?

Il-Kummissjoni Elettorali, Rekords u Data fi ħdan il-Partit Nazzjonalista ddikjarat min hu eliġibbli biex jivvota f’elezzjoni ta’ Kap.

Fi stqarrija, ingħatat aktar informazzjoni fejn kien konfermat li jistgħu jivvutaw dawk it-tesserati li ilhom imsieħba fil-PN għal mill-anqas sentejn kalendarji (2018 u 2019). Dan filwaqt li jkunu għalqu s-16-il sena, u li jkollhom il-ħlas tas-sħubija tagħhom aġġornat sas-sena 2020.

It-tesserati tal-PN jistgħu jaġġornaw il-ħlas b’lura tas-sħubija sa mis-sena 2015, liema ħlas jista’ jsir sa għaxart ijiem qabel id-data tal-votazzjoni fil-Konvenzjoni Ġenerali li fiha se ssir l-elezzjoni għal Kap.

Il-PN ħabbar li kull tesserat li ma kellux sħubija aġġornata għal tal-anqas sena waħda sa mis-sena 2015, mhux se jkun intitolat jivvota, sakemm ma jaġġornax il-ħlas dovut. Tesserati li ssieħbu mal-Partit Nazzjonalista għall-ewwel darba fis-sena 2018 u baqgħu membri bil-miżata imħallsa għandhom dritt għall-vot.

Il-Kummissjoni Elettorali tavża li t-tesserati li għandhom xi ilment dwar is-sħubija tagħhom fil-Partit jew l-eliġibilità għad-dritt tal-vot f’din l-elezzjoni għandhom jippreżentaw appell fejn fih jispjegaw l-ilment jew protest tagħhom permezz ta’ ittra jew email lill-uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali (kummissjoni@pn.org.mt). Bl-appell sottomess, it-tesserat jew terza persuna jkun qed jintrabat awtomatikament li jaċċetta d-deċizjoni tal-Kummissjoni bħala waħda finali u mingħajr ebda riżerva. Għalhekk ikun qiegħed permezz ta’ dan l-appell jirrinunzja għal kull appell jew azzjoni li jista jressaq f’fora oħra. Il-Kummissjoni Elettorali tagħmel il-verifiki ta’ kull każ u tagħti r-rimedju li jidhirlha xieraq. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Elettorali għandha tkun finali. Appell bħal dan għandu jsir sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Awwissu 2020. Għal aktar informazzjoni tista’ ċċempel fuq 25965262.