Lokali

“Passi mgħaġġlin… b’detriment għas-saħħa”

Malta ilha ħames xhur tiġġieled kontra l-Coronavirus… u meta nħarsu lura naraw li pajjizna ħa passi mgħaġġlin b’detriment għas-saħħa tal-poplu Malti.

Hekk stqarr ma’ Net News it-tabib Frank Portelli, meta mitlub jikkummenta dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-pandemija.

“Jien ma jistax ikolli pajjiż illi l-marda ġewwa fih qed tinfirex iktar u jien inħalli lin-nies minn hemm jiġu Malta u lanqas biss nittestjahom,” qal Portelli.

It-tabib Portelli qal li l-ekonomija bilfors trid tiftaħ, iżda hemm mod u mod kif il-pajjiż jiftaħ għat-turiżmu… u dan żgur ma kellux isir mingħajr ebda tip ta’ kontroll, nuqqas ta’ regolamenti u n-nuqqas ta’ testijiet fuq il-barranin li qed jaslu. Dan kollu wassal biex il-poplu Malti jħossu bħallikieku ssakkar ġewwa għal xhur sħaħ… kważi għalxejn.

“Aħna tlabna lil poplu Malti joqgħod ġewwa; l-anzjani, il-familji li qagħdu ‘l bogħod, tobba u l-infermieri tagħna għamlu lockdown, ħafna minnhom ma marrux id-dar għal xi xahrejn… għalhekk huma rrabjati,” qal Portelli.

Frank Portelli qal li n-negozji ma jistawx jimxu jekk is-saħħa tal-poplu Malti tkun f’riskju.

“Il-frontliners qiegħdin jgħidu lil Gvern li ma jistawx jibqgħu jissograw ħajjithom imbagħad b’kapriċ nibqgħu niftħu dawn l-attivitajiet tal-massa,” qal Portelli.

Hu saħaq li hemm bżonn li nsalvaw is-sahha taghna billi b’serjetà ma nħallux lill-virus jinxtered bi traskuraġni… għaliex inkella dan se jwassal biex ikun hemm effetti negattivi fuq is-saħħa u anke fuq l-ekonomija.

“L-ekonomija inti tista’ tirranġaha billi tagħmel regolamenti serji u mhux billi tiftaħ bl-addoċ bħalma sar,” qal Portelli.