Lokali

Roberta Metsola mhux se tikkontesta għat-tmexxija tal-PN

“Għall-elezzjoni tat-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, dejjem għamiltha ċara li jien lesta li nagħmel il-parti tiegħi u ngħin fis-soluzzjonijiet biex il-Partit Nazzjonalista jirkurpra mis-sitwazzjoni li jinsab fiha. Iżda nħoss li jkun aktar għaqli u prudenti li ma nikkontestax.”

Hekk sostniet l-MEP tal-PN Roberta Metsola wara li isimha kien wieħed minn dawk li bdew jissemmew għall-elezzjoni biex jiġi elett Kap tal-PN.

F’messaġġ fuq Facebook, hi qalet li se tibqa’ taħdem għal politika taċ-ċentru, għal viżjoni ta’ tiġdid u tibdil, “għaliex għandna nkunu Gvern alternattiv.”

Hi insistiet li l-ewwel jiġu l-imħabba lejn il-pajjiż u l-Partit u s-sens ta’ dover li tidħol għalih f’kull ma tagħmel.

“Issa li ninsabu tant qrib elezzjoni ġenerali, ma jistax ikun li l-Partit Nazzjonalista jgħaddi minn elezzjonijiet interni twal. Biex dan il-proċess ikun mill-aqsar possibli għandu jkun hemm sa żewġ kandidati. B’dan il-mod it-tesserati jkollhom għażla ċara. B’aktar minn tnejn ikompli joħroġ aktar demm, issir aktar ħsara u l-ġrieħi jikbru.”

“Għalhekk fiċ-ċirkostanzi preżenti u wara diskussjonijiet li kellna bejn il-kandidati li esprimejna ruħna li konna qed nikkonsidraw li nikkontestaw għat-tmexxija, inħoss li jkun aktar għaqli u prudenti li ma nkunx fuq il-lista preżenti. Dan għall-akbar ġid tal-Partit biex l-elezzjoni interna tasal fi tmiemha kemm jista’ jkun malajr.”