Lokali Qorti

Saviour Gaffarena ngħata nofs siegħa CPR f’tentattiv biex tiġi salvata ħajtu

Tidba l-kumpilazzjoni dwar il-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-attentat fuq kuġinuh

“Sar minn kollox biex ħajjet Saviour Gaffarena tiġi salvata. Għal nofs siegħa sħiħa huwa ngħata is-CPR iżda kien kollu għalxejn. Dak inhar tad-delitt kont l-Imqabba,‘extra duty’.

“Rajt Pulizija jiġri fid-direzzjoni fejn kont jien u xi Pulizija oħra u qalilna li kien hemm persuna f’karozza fuq is-seat tax-xufier li kien mimli demm. Dak il-ħin kuġinuh Vince Gaffarena għamilli sinjal, li ma setax jitkellem. Tajtu karta u ‘biro’ u hu kiteb l-ismijiet tal-akkużati.”

Dan qalitu fil-Qorti l-Kuntistabbli Sharona Buhagiar mill-Vice Squad, li kienet l-aħħar xhud fil-kumpilazzjoni li bdiet tinstema’ quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, tmint ijiem wara li seħħ il-qtil ta’ Saviour Gaffarena u l-attentat ta’ qtil fuq kuġinuh Vince Gaffarena.

Kienu tlieta x-xhieda li taw id-depożizzjoni tagħhom fil-Qorti, bit-tnejn l-oħra jkunu l-Ispettur Kurt Zahra, wieħed mill-investigaturi fil-każ u ġuvni taħt l-età li jaf sew lill-akkużati.

Sadanittant id-difiża taċ-żewġ akkużati qed tgħid li l-Pulizina m’għandhiex provi biżżejjed biex l-akkużati Owen Schembri u Leon Debono jitqiegħdu taħt att ta’ akkuża. L-Avukat ta’ Owen Schembri qegħdin jikkontendu li anke fl-istqarrija li huwa ta lill-Pulizija, huwa dejjem qal li kien Leon Debono li spara u mhux hu.

Minn naħa tagħa d-difiża ta’ Leon Debono qed tgħid li dak li qed tallega l-Pulizija huwa kollu ‘hearsay evidence’ u għalhekk mhemmx provi biżżejjed. Għaldaqstant il-Maġistrat Nadine Lia ma tatx data għal meta se titkompla l-kumpilazzjoni, u dan biex tiddeċiedi fuq dan il-punt, liema deċiżjoni mistennija tingħata kameralment.

Saviour Gaffarena, ta’ 27 sena instab mejjet f’karozza fi Triq il-Konvoj ta’ Santa Marija, l-Imqabba u kuġinuh Vince Gaffarena jinstab fil-karozza ferut b’tiri ta’ arma tan-nar f’wiċċu u sidru.

B’rabta ma’ dawn ir-reati ta’ qtil u attentat ta’ qtil il-Pulizija qed tixli lil Owen Schembri u Leon Debono, it-tnejn li huma ta’ 18-il sena. It-tnejn qed iwieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjubin fil-konfront tagħhom.

Kien għall-ħabta tal-11:15p.m li l-Pulizija daħlilha rapport li kien hemm xi persuni feruti fil-bypass tal-Imqabba. Il-Pulizija kienu ġew avviċinati minn persuna li kien qed isuq karozza tat-tip Renault Megan li beda jgħajjat li kienu sparawlu.

L-isparatura seħħet f’Ħal Millieri bejn Triq iż-Żurrieq u Triq l-Imqabba, iżda l-karozza bil-feruti nstaqet sa Triq il-Konvoj fl-Imqabba.  Il-vittma sofra minn tir f’rasu b’kuġinuh jibqa’ ħaj.

Is-seduta bdiet bi problem fuq l-awla fejn id-difiża taż-żewġ akkużati ma kienux kuntenti bl-għażla tal-awla minħabba li kienet ippakkjata anke għall-fatt li hija awla żgħira. Ġie deċiż li l-kawża ssir f’awla oħra li hija aktar spazzjuża.

L-ewwel xhud kien l-Ispettur Kurt Zahra li qal li l-Erbgħa 29 ta’ Lulju, għall-ħabta ta’ 11.45 p.m. huwa rċieva telefonata li żvelat li raġel kien x’aktarx inqatel fi sparatura.

Tenna li dakinhar li seħħ ir-reat kienet għaddejja attività tal-logħob tan-nar. Huwa mill-ewwel mar fuq ix-xena tar-reat kwarta wara. Sostna li l-Pulizija kienu mgħarrfa bir-reat wara li karozza bi tnejn minn nies mimlijin dmija waqfet ħdejn ‘barrier’ fejn kien hemm stazzjonat Pulizija.

Zahra qal li ra persuna mal-art li kienet qed tiġi assistia u ftit wara kien ikkonfermat li r-raġel miet fuq il-post. Qal li fuq ġewwa tal-karozza kien hemm ammont ta’ dmija u anke biċċiet tal-laħam.

Ix-xhud qal ukoll li lil wieħed mill-Pulizija għaddielu karta bl-ismijiet ta’ Owen Schembri, Leon Debono u Carmel ta’ Susella li jiġi missier wieħed mill-imputati.

L-Ispettur Zahra kompla jgħid li huwa ta struzzjonijiet biex isiru patrols fiż-żona, fejn irriżulta li nstabu aktar balal u dmija, u li ġiet innotata wkoll ċavetta ta’ karozza Volkswagen. Wara mar fi Triq il-Konvoj Santa Marija bil-Pulizija tibda tfittxija għall-akkużati.

Ix-xhud kompla billi qal li kien Vince Gaffarena li semma’ mal-Pulizija l-ismijiet, bil-patrols tal-Pulizija ikomplu jiffokaw fuq l-inħawi ta’ Ħal Kirkop. Sadanittant kien hemm Pulizija li nnota ġuvni u tfajla, u li meta dawn rawh ħarbu minn fuq il-post.

Il-Pulizija mill-ewwel żammew lil mara, Chanelle Debono, li tiġi z-zija ta’ Leon Debono. Il-ġuvni aktar tard irriżulta li kien ħu Leon li kien arrestat fuq bank bilqiegħda ħdejn id-dar ta; Owen Schembri.

Kompla jgħid li viċin l-iskola ta’ Ħal Kirkop kienet innotata ukoll persena tiġri. Aktar tard il-Pulizija li kienu fuq il-patrols sabu ġuvni taħt l-età fuq bank. Wara ħareġ li huwa kien jaf b’dak li ġara u kellu kuntatt ma’ Owen Schembri. Il-minuri, ta’ 17-il sena minn Ħaż-Żabbar, għalhekk spiċċa arrestat.

Kien għalhekk li wara l-Pulizija marru d-dar ta’ Owen Schembri f’Ħal Kirkop fejn spiċċa arrestat. Il-Pulizija għamlet ukoll tfittxija fid-dar u ġabret ukoll xi ħwejjeġ.

Zahra sostna li meta l-għada Vince Gaffrena kien qed jiġi f’tiegħu l-Isptar, mar ikellmu flimkien mal-Ispettur Keith Arnaud u dan qalilhom li l-lejl ta’ qabel kien għadda għall-akkużati filwaqt li kien ma’ kuġinuh Saviour, u marru dawra.

Vince Gaffarena qalilhom li kien xufier ħdejn Leon, u t-tnejn l-oħrajn kienu wara Vince. Kompla jgħid lill-Pulizija li waqfu Ħal Millieri għax Owen Schembri kellu arma u beda jurihielu. Qalilhom li kien inqala’ argument iżda ma kienx jaf fuq xhiex. Kompla jgħidilhom li Leon kien sparalu f’wiċċu u f’sidru.

Qal ukoll li Leon kien ħareġ mill-karozza u spara tir ieħor. Vince qal ukoll lill-Pulizija li kif kien qed jiġri sema’ tir ieħor, u ra lil kuġinuh mixħut fuq is-seat ta’ wara tal-karozza, bl-akkużati jaħarbu minn fuq il-post.

Zahra qal ukoll li l-Pulizija kienu kellmu lil ġuvni minuri wkoll, u li ismu ma jistax jixxandar peress li għadu taħt l-età. Qal li fid-29 ta’ Lulju kien għand it-tfajla tiegħu ż-Żurrieq.  

Iż-żagħżugħ informa lill-Pulizija li Owen Schembri kien qallu jmur ħdejh, fejn kien hemm ukoll Leon Debono. Iż-żewġ akkużati qalu lill-ġuvni minuri b’dak li ġara, u anke li Vince Gaffarena kellu mus u li kien qed se jagħti daqqiet lil Owen b’dan l-istess mus.

Zahra qal lill-Qorti li fl-istqarrija li l-imputati taw lill-Pulizija, Schembri ma wieġeb xejn iżda meta tkellem mal-Ispettur Arnaud tkellem. .Debono iżda kkonferma mal-Pulizija li kienu maru dawra bil-karozza mal-kuġini ta’ Gaffarena u li kienu għamlu użu minn xi droga.

Debono qal ukoll lill-Pulizija li kienu marru Ħal Millieri u hemm Vince Gaffarena kien ħareġ sikkina. Qal li kien iddejjaq b’dan kollu, u x’ħin ra hekk ipprova jaħrab, b’Saviour Gaffarena jipprova jżommu mill-flokk, Pero xorta rnexxielu jaħrab. Debono ċaħad mill-ewwel li kien preżenti fil-mumenti tal-isparaturi jew li huwa spara.

L-Ispettur Zahra kompla jixhed li l-akkużati ttieħdu għall-vista medika li saret mit-tabib Mario Scerri. Qal ukoll li kif ittieħdu fil-Kwartieri tal-Pulizija saru swabs għal traċċi ta’ sparatura.

Il-minuri qal lill-Pulizija li 15-il ġurnata qabel Schembri u Debono kienu bdew jipprovaw arma imma ma kienx konxju jekk kienx hemm diżgwid bejn iż-żewġ naħat. Sadanittant f’basket li kellu Saviour Gaffarena nstabet pistola bil-magażin maqlugħ.

Il-Prosekutur Zahra tenna wkoll  li fil-karozza fejn instabu l-kuġini Gaffarena nstabet sustanza ta’ droga u  anke lembuba taħt is-seat tax-xufier.  Wara beda jixhed-xhieda iż-żagħżugħ minuri, li jaf kemm lil Owen Schembri kif ukoll lil Leon Debono.

Qal li lil Debono jafu minħabba li ħabib tiegħu huwa l-kuġin ta’ Debono. Lil Schembri qal li ilu jafu għal madwar erba’ xhur. Xehed li dak inhar tal-inċident kien għand it-tfajla tiegħu, u li filgħaxija ra l-aħbarijiet u kien għaraf il-karozza ta’ Vince Gaffarenza.

Kompla jgħid li flimkien mal-akkużati ġieli kienu jmoru jduru ma’ Vince Gaffarena. Tenna li beda jċempel lil Schembri minħabba li kien jaf li kien jaf lil Gaffarena. Schembri ma bediex jirrispondi minkejja li kien ċempillu xi erba’ darbiet.  Wara xi ħames minuti Schembri ċempillu lura.

Qal li miż-Żurrieq mar’jogging ‘sa Ħal Kirkop u kien libes bandana u f’xi ħin sema’ li kienseħħ  tir u ma riedx jingħaraf minħabba li ġieli kien ikun ma’ Vince. Jgħid li hekk kif wasal ċempel lil Schembri u fetħitlu nanntu. jgħid li kienu jidhru mfixklin. Sostna li preżenti kien hemm in-nanniet ta’ Schembri u anke l-akkużati, u dak il-ħin li qalulu li xi ħadd kien spara tiri.

Dak il-ħin kienu  bdew iħarsu barra mit-twieqi iżda ma qalulux min kien spara.u ftit wara Debono telaq il-barra. Qal ukoll li kien ħalla pistola mal-art u għalhekk kien neħħiha minħabba li hija ta’ periklu biex ma jsibha ħadd. Saħaq li  l-ewwel darba li ra l-pistola kienet fuq is-sodda ta’ Schembri.

Xehed ukoll li Debono ma kienx qallu għaliex kien ħareġ il-barra mid-dar, iżda qallu li barra kien hemm pistola. Ikkonferma li l-pistola kienet fil-parapett u neħħiha.

Qal li neħħa l-bullits u tefagħhom f’tank tal-ilma f’għalqa u li l-magażin jpoġġieh taħt ġebla u l-pistola poġġiha f’siġra tal-bajtar tax-xewk. Wara mar jiġri Ħal Kirkop, u qabad mal-wifi biex jibgħat messaġġ lit-tfajla tiegħu, u qalilha li daqt kien se jirritorna. Ftit wara spiċċa arrestat.

Fix-xhieda tiegħu qal ukoll li mhux l-ewwel darba li ra lil akkużati jisparaw b’arma fuq xi ġebel u kkonferma li kellu relazzjoni tajba mal-akkużati imma lil Vince Gaffarena ma kienx jafu.

Qal li meta l-pistola fuq is-sodda ta’ Schembri nħasad għax kien għadu kemm jara l-aħbarijiet. Wara telaq mid-dar ta’ Schembri għax beża’ li forsi jmorru l-Pulizija, u qal li kien Debono li qallu biex jeħles mill-arma. Tenna li  tgħallem ineħħi l-magażin mill-arma permezz tal-Playstation.

L-Avukat Giannella De Marco qed tirrappreżenta lil Leon Debono, filwaqt li l-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għal Owen Schembri. L-Avukati Mark Refalo u James D’Agostino qegħdin jidhru għan-nom tal-vittmi.