Lokali

Stqarrija tal-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo

Iċ-Chairperson tal-kumpanija Media.link, Robert Arrigo, fi stqarrija qal illi ma jistax ma jurix solidarjeta’ mal-ġurnalista ta’ NET News Sherona Debono li spiċċat fil-mira ta’ attakki inġusti minħabba profil falz.

Arrigo esprima wkoll d-diżappunt u rabja għall-mod kif din il-ġurnalista spiċċat fil-mira ta’ attakki personali minħabba li spiċċat assoċjata ma’ profil falz ta’ persuna oħra li mhix hi, u liema persuna tikteb fuq Facebook dwar il-Partit Nazzjonalista.

“Il-ġurnalisti ta’ NET News, fosthom ukoll Sherona Debono, huma persuni serji u li dejjem wettqu xogħolhom fl-aħjar mod u professjonalita’. Minn hawn nirrngrazzjahom li iżjed minn darba imorru lil hinn mir-responsabbiltajiet tagħhom biex ikunu l-vuċi tal-media tal-partit u biex iwasslu l-aqwa servizz ta’ informazzjoni lit-telespettaturi ta’ NET Television u lis-semmiegħa ta’ NET FM kif ukoll biex jagħmlu l-mistoqsijiet pertinenti lill-membri tal-Gvern”, qal Robert Arrigo. 

Il-Viċi Kap tal-PN insista li “filwaqt li dejjem kont favur il-liberta’ tal-espressjoni u speċjalment tad-dibattiti, inqis li mhux aċċettabbli fis-soċjeta’ tagħna li jsiru attakki personali u lanqas mhu aċċettabbli li dan isir fl-isfond ta’ profili u paġni foloz fuq il-mezzi soċjali.”