Lokali

Studenti imħassbin dwar l-eżamijiet tal-MATSEC

X’miżuri ser jittieħdu fil-klassijiet ?

Se jkun hemm min jiċċekja barra l-iskejjel jekk l-istudenti hux qed iżommu id-distanza soċjali?

F’każ li persuna tinsab fi kwarantina jew tinsab pożittiva għall-Covid-19, x’alternattiva hemm biex tagħmel l-ezami xorta?

Għalfejn l-eżamijiet ser isiru xorta waħda fi klassijiet ġaladarba ma sarux f’April u Mejju meta kellna inqas każi?

Dawn huma ftit mill-mistoqsijiet li qed isaqsu diversi studenti – domandi li saru anke b’emails indirizzati lill-Ministru Owen Bonnici kif ukoll lill-Matsec… mistoqsijiet li sfortunatament ma kienx hemm tweġiba għalihom, ħlief li dawn ser isiru bil-mod li ġie maqbul bejn ir-rapreżentanti kollha tas-settur.

Kienu diversi studenti li kkuntattjaw liil Net News u tkellmu magħna dwar dak li għaddejjin minnu bħalissa minħabba l-Covid-19. Stqarrew magħna li apparti li għadhom ma jafux f’liema skejjel u klassijiet ser isiru l-eżamijiet, għadhom ma jafux l-anqas jekk hux ser ikun hemm ventilazzjoni, arja kkundizzjonata jew inkella fannijiet fil-klassijiet.

L-istudenti stqarrew li huma ilhom jaħdmu għal l-eżamijiet tal-O Levels u l-A Levels xhur sħaħ …u m’għandux ikun hemm fatturi li jistgħu jwasslu sabiex dawn l-istess studenti ma jidħlux l-Universita jew fl-iskejjel li jixtiequ huma.

Intant fi stqarrija, il-Grupp tal-Istudenti Ghawdxin il-GUG qal li l-inċertezza dwar dak li se jigri f’Settembru li ġej… qed toħloq problemi serji għall-istudenti Għawdxin li jistudjaw f’Malta. Dan għaliex ma jistgħux jippjanaw minn qabel biex ifittxu akkomodazzjoni għas-sena skolastika li ġejja.